Lokali

Akkużat li gidem u ħebb b’sikkina għal martu

Raġel miż-Żurrieq inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li lejlet l-Ewwel tas-Sena darab lil martu b’sikkina tal-ħobż.

L-akkużat ta’ 58 sena, li ismu ma jistax jixxandar bil-għan li tinżamm il-privatezza tal-vittma, tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli s-Sibt tard waranofsinhar akkużat li darab gravement lill-mara tiegħu.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-koppja kellhom diżgwid dik il-lejla stess, bl-argument ikompli aktar tard fir-residenza tagħhom. Fil-Qorti instemgħa kif ir-raġel saħansitra gidem lil martu.

Huwa ġie akkużat ukoll li ta fastidju lill-vittma u għamel użu ħażin minn tagħmir elettroniku.

L-Ispettur Eman Hayman spjega fil-Qorti li l-argument seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu fl-Ewwel tas-Sena – bil-mara taqla’ daqqa ta’ sikkina f’żaqqha u aktar tard ġiet ċertifikata li ġarbet ġrieħi ħfief.

Filwaqt li r-raġel ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja tal-akkużat.

Bħala parte civile dehru l-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin – għall-akkużat deheru l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Victor Bugeja.