Lokali

Bernard Grech isellem il-memorja ta’ Karin Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u martu AnneMarie żaru l-Qabar ta’ Karin Grech, ftit jiem wara li tfakkar it-43 anniversarju mill-qtil politiku tagħha.

Fuq Facebook, Bernard Grech tenna li pajjiżna għandu jibqa’ jesiġi li jsir dak kollu possibbli ħalli jiġu solvuti d-delitti politiċi li seħħew fl-aħħar snin. Spjega li hu u l-mara għamlu ż-żjara fuq il-Qabar ta’ kuġintu, biex isellmu l-memorja tagħha fiżikament, fl-ewwel jum possibbli wara l-kwarantina mandatorja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li pajjiż f’saħħtu ma jistax ikollu poplu mifrud il-ħin kollu u fuq kollox, kif ukoll li jgħix żewġ realtajiet jew veritajiet – dik blu u dik ħamra.

Tenna li jrid jara bażi komuni, b’qafas wieħed tar-realtà u tal-verità li ngħixu kuljum bħala poplu ħalli jissawru viżjoni u programmi li jwassluna fid-destinazzjoni li jmissna nagħżlu għal uliedna, iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna.