Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 88 każ ġdid – ifiqu 33

Il-firxa tal-pandemija fil-Gżejjer Maltin qed tissokta b’mod insistenti.

Hekk kif pajjiżna ħareġ mill-aktar ġimgħa fl-aħħar xahar fejn rajna każijiet ġodda, b’797 każ – fl-aħħar jumejn Malta rat żieda ta’ 223 każ filwaqt li illum ġew irreġistrati l-ewwel imwiet tal-2021 kawża tal-virus.

Dan kollu wara li l-Ministeru għas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa tilfet ħajjitha persuna kawża tal-virus u b’hekk l-vittmi totali żdiedu għal 220.

L-ewwel vittma tal-virus għall-2021 kienet mara ta’ 73 sena li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fl-14 ta’ Diċembru u mietet fl-1 ta’ Jannar fl-Isptar Mater Dei.

Dan filwaqt li tħabbar ukoll li bejn il-Ġimgħa u s-Sibt ġew irreġistrati 88 każ ġdid, sabiex b’hekk il-każi totali minn Marzu ‘l hawn jammontaw għal 12,997.

Fl-aħħar 24 siegħa fiequ 33 persuna u għaldaqstant, l-ammont totali ta’ persuni mfejqa mill-Covid-19 f’pajjiżna jammontaw għal 11, 211.

Dan ifisser li meta jiġi kkalkolat kemm fiequ persuni flimkien mal-vittmi, il-każi attivi jammontaw għal 1,566.

Intant, mill-135 każ ġdid imħabbar tul il-jum tal-Ġimgħa; 23 każ kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 7 każi minn fuq il-post tax-xogħol, 9 każi kuntatti diretti filwaqt li 7 każi minn attivitajiet soċjali.

Dan ifisser li 89 persuna ma jafux minn fejn jew mingħand min ġew infettati bil-virus tal-Covid-19.

S’issa mhux magħruf jekk f’pajjiżna ġewx irreġistrati aktar każi marbuta mal-varjant tal-pandemija li nibet fir-Renju Unit għajr it-tlett każi mħabbra tul il-jum tal-Erbgha, b’żewġ barranin jittestjaw pożittiv mal-wasla tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u mara ta’ 75 sena li l-investigazzjonijiet dwarha kienu għadhom qed jitwettqu.

Intant, minkejja li din iż-żieda fil-każi ġodda kienet mistennija għal bidu tax-xahar ta’ Jannar, l-appell jibqa’ wieħed – responsabbiltà fost iċ-ċittadini bil-għan li ngawdu frott l-għaqal tagħna fix-xhur li ġejjin.