Lokali

“Hawn min irid li din il-ġrajja tintesa'” – Carmel Pace

10 xhur wara l-mewta traġika ta' Miriam Pace

Minflok qedgħin madwar mejda ġejt inżur il-qabar fejn qiegħda… sabiex inkelmek ftit.

Kliem Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam Pace, li kiteb lil martu permezz ta’ post fuq il-midja soċjali ta’ Facebook, f’għeluq l-10 xhur minn meta seħħet it-traġedja u ħajjet il-mara inħatfet f’leħħa ta’ berqa taħt it-tiġrif ta’ darha stess fi Triq Joseph Abela Scolari fil-Ħamrun, kawża ta’ skavar f’sit ta’ kostruzzjoni li kien għaddej biswit ir-residenza tal-koppja.

Carmel Pace sostna li fit-2 ta’ Marzu dwiet l-aħbar traġika tal-mewta ta’ Miriam iżda insista li milli jidher bosta jridu li din il-ġrajja ta’ qsim il-qalb tintesa u tintefa taħt it-tapit.

Huwa kiteb li m’għaddhietx sena faċli u fil-bidu tagħha, bi tbissima partikolari ta’ Miriam, flimkien kienu jġibu dak li huwa ta’ piż, bħala wieħed ħafif. Iżda mal-bidu tat-tielet xahar tal-2020 seħħ dak li żgur ħadd ma kien qed jistenna.

Bi kliem ta’ rabja u dispjaċir kbir, Carmel staqsa x’inhi r-raġuni għaliex s’issa ħadd ma jaf x’fih ir-rapport li suppost tlesta minn erba esperti mqabbda mill-Gvern u għaliex l-awtoritajiet ma jridux jagħmlu inkjesta pubblika sabiex jaraw jekk kienx hemm xi nuqqasijiet fl-istituzzjonijiet relatati mas-settur tal-kostruzzjoni biex setgħet ġiet evitata l-mewta ta’ martu fl-età ta’ 54 sena.  

Huwa stqarr li għadu jħoss it-tgħannieqa ta’ martu miegħu u ma jgħaddix mument li ma jaħsibx fiha, għaliex ma jafx mod ieħor.

Carmel sostna li ftit wara l-mewt ta’ omm uliedu huwa kien saħaq li jispera li tal-inqas il-mewt ta’ Miriam isservi sabiex isir xi ħaġa sabiex id-dar tkun verament kenn għal kull ċittadin – u kulħadd b’mod assolut qablu miegħu – però ta x’jifhem li issa bħal donnu l-affarijiet qed jinbidlu…bin nar li kebbes dan il-każ qed jibda jnemnem…