Diversi kienu dawk li fl-aħħar sigħat irrappurtaw numru ta’ tranżazzjonijiet li dehru fil-kontijiet tal-bank tagħhom u li skont huma ma kinux għamlu.

Jidher li dawn it-tranżazzjonijiet kienu kollha rrappurtati minn klijenti li jużaw is-servizzi tal-HSBC u li ħafna minnhom saru lejn l-aħħar ta’ Novembru.
Ħafna qalu li meta ċċekkjaw il-kontijiet u anke t-tranżazzjonijet fuq l-app ta’ Revolut, sabu pagamenti li ma kinux għamlu, saħansitra lil kumpaniji barra minn pajjiżna. Uħud irrappurtaw problemi simili anke b’Paypal.



Wara li dalgħodu, Net News ikkuntattja lil HSBC sabiex jistaqsi dwar din is-sitwazzjoni, wara nofsinhar, kelliem uffiċjali għall-bank qalilna li fl-ewwel jum tas-sena, problema interna li żviluppat fis-sistema tal-IT tal-bank effettwat għadd ta’ tranżazzjonijiet ta’ debit cards li saru fid-29 ta’ Diċembru.
Minħabba f’hekk, xi tranżazzjonijiet urew isem ħażin tal-bejjiegħ, kif ukoll data hażina ta’ meta saret it-tranżazzjoni. F’xi każi, kompla jgħid il-kelliem għall-bank, kien hemm problemi għall-klijent biex jaċċessa l-flus.
Madankollu, skont il-bank, it-tranżazzjonijiet infushom kif ukoll l-ammonti tagħhom kienu korretti, u kienu filfatt saru mill-klijenti nfushom.
L-uffiċjal kompla jgħid li l-bank qed jaħdem biex jirregolarizza kemm jista’ jkun malajr din is-sitwazzjoni u serraħ ras il-klijenti li l-kontijiet u l-flus tagħhom ma ġewx kompromessi, filwaqt li qal li l-bank jiskuża ruħu għal kull inkonvenjent.