Futbol Sport

Son Heung-Min u Harry Kane mill-ġdid l-eroj f’rebħa oħra għal Tottenham

(Ritratt: EPA)

Tottenham Hotspur irritornaw għar-rebħ fil-kampjonat Ingliż għall-ispejjeż ta’ Leeds United, li mill-ġdid sofrew telfa kbira, 0-3, minħabba nuqqasijiet fid-difiża li ilhom evidenti mill-bidu tal-istaġun. Intant, l-ewwel rebħa għal Spurs mis-6 ta’ Diċembru ‘il hawn tellathom it-tielet fil-klassifika fuq 29 punt – erba’ anqas mill-‘leaders’ Liverpool u Manchester United. Il-logħba tal-bieraħ, fin-New White Hart Lane, kienet anki trijonf personali għall-attakkant Korean, Son Heung-Min, li skorja l-100 gowl tiegħu bil-flokk ta’ Spurs.

Tottenham marru fil-vantaġġ man-nofs-siegħa minn penalty skurjat minn Harry KANE wara l-fawl, fil-kaxxa, ta’ Aloski fuq Steven Bergwijn.
Żewġ minuti mill-mistrieħ wasal il-mument memorabbli għal SON HEUNG-MIN li rdoppja fuq l-assist ta’ Kane biex prattikament temm l-isfida ta’ Leeds li sa dak il-ħin kienet kważi ineżistenti.

Intant l-iżvantaġġ għal Leeds kompla jikber meta, kmieni fit-tieni taqsima, Toby ALDERWEIRELD għamilhom tlieta bir-ras mill-viċin, bit-tim ta’ Jose Mourinho jamministra r-riżultat komdu sal-aħħar u mingħajr wisq diffikultà. Fl-aħħar ħinijiet tkeċċa d-difensur ta’ Spurs, Matt Doherty, wara li ntwetra tieni safra għal daħla kerha fuq il-midfielder ta’ Leeds, Kalvin Phillips.

Arsenal kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva wara li f’The Hawthorns għelbu lil West Bromwich 4-0. Kien id-difensur Kieran TIERNEY li fetaħ l-iskor wara 23 minuta. Iż-żgħażugħ Bukayo SAKA rdoppja ħames minuti wara. It-tim ta’ Mikel Arteta għamilhom 3-0 mas-siegħa logħob permezz ta’ konklużjoni mill-viċin ta’ Alexandre LACAZETTE. L-istess LACAZETTE skorja t-tieni gowl personali u r-raba’ wieħed għal Arsenal fl-64 minuta b’konklużjoni fuq cross minn fuq ix-xellug.

L-istaġun diżastruż għal Sheffield United kompla, ilbieraħ, fejn il-Blades sofrew il-ħmistax it-telfa fil-kampjonat – din id-darba ma’ Crystal Palace, 0-2. Palace kienu kmandi tal-logħba għal ħafna ħinijiet u marru kmieni fil-vantaġġ meta Jeffrey SCHLUPP għeleb lil Ramsdale b’tentattiv li xxellef minn ma’ difensur għal ġewwa. L-iskors sar 2-0 fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima meta s-sostitut Eberechi EZE qabeż diversi difensuri u sab ix-xibka mill-ġdid għal gowl mill-isbaħ.

Intant, Sheffield United ma kellhom l-ebda tweġiba, b’din it-telfa tfisser li t-tim ta’ Chris Wilder, issa, waqqaf rekord ġdid għall-itwal sekwenza ta’ logħob mingħajr rebħa mill-bidu ta’ staġun tal-Premier League Ingliż.

Logħba mill-aktar eċċitanti kienet dik fl-Amex Stadium bejn Brighton and Hove Albion u Wolves u fejn il-gowls żgur li ma naqsux fi draw missielet ta’ 3-3. Brighton fetħu l-iskor wara 13-il minuta minn CONNOLLY iżda sabu ruħhom fi żvantaġġ sal-mistrieħ, wara li Wolves wieġbu bi tliet gowls skurjati minn Romain SAISS, Dan BURN u Ruben NEVES li ma żbaljax mill-penalty spot. Madankollu, is-Seagulls wettqu rimonta impressjonanti fit-tieni 45 minuta, b’Neal MAUPAY jiskurja penalty biex inaqqas id-distakk u bil-gowl tad-dro jasal fis-70 minuta mid-difensur Lewis DUNK.

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ:
Everton v West Ham 0-1, Man Utd v Aston Villa 2-1 Illum: Tottenham v Leeds 3-0, C. Palace v Sheff. Utd 2-0, Brighton v Wolves 3-3, WBA v Arsenal 0-4 Għada: Burnley v Fulham posp., Newcastle v Leicester 3.15pm, Chelsea v Man City 5.30pm It-Tnejn: Southampton v Liverpool 9.00pm