Lokali

Tinġabar somma rekord ta’ €2,531,534 b’risq id-Dar tal-Providenza

“Minkejja l-mard u l-inċertezzi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, il-poplu Malti reġa’ għamel ħwejjeġ kbar mad-Dar tal-Providenza. Jien emozzjonat ħafna bil-ġenerożità u s-solidarjetà tal-Maltin u Għawdxin li minkejja kollox taw rigal mill-isbaħ lid-Dar tal-Providenza.”

Hekk sostna Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza hekk kif matul il-ġurnata tal-bieraħ inġabret somma rekord ta’ €2,531,534. U dan minkejja sena mimlija inċertezzi minħabba l-pandemija u li fiha id-Dar rat tnaqqis kbir fid-dħul tagħha billi kellha tħassar attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus bħall-maratona tal-volleyball.

B’din il-ġabra, id-Dar tal-Providenza tkun tista’ tkompli tipprovdi l-aħjar servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha fis-Siġġiewi u fil-komunità.

Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19 li ninsabu fiha, kellu jitbiddel il-programm kollu kif ukoll il-post fejn saret l-attività biex ukoll jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, li kienu l-prijorità assoluta tal-Amministrazzjoni tad-Dar. Fil-fatt, kuntrarju għas-soltu, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi ħlief drive-thru fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza.

Il-parti mportanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar saret fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl.

Matul il-maratona kien hemm  fl-istudios il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi, l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca 

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-Kap tal-Oppożizzjoni u s-Sinjura Grech ingħaqdu mal-maratona permezz ta’ Skype. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.