Lokali

Tista’ twassal għal aktar kawżi ta’ żgombru

Sentenza li ngħatat fil-bidu ta’ Diċembru tista’ tiftaħ il-bibien għal ħafna kawżi bi proċedura sommarja biex jiġu żgumbrati inkwilini li joqogħdu f’postijiet regolati b’kirjiet antiki.

Fil-fatt, il-Bord li Jirregola l-Kera, presedut mill-Maġistrat Josette Demicoli, ordna biex raġel li kien qed jgħix f’residenza u kien qed iħallas ftit iktar minn 200 ewro fis-sena jiżgombra fi żmien 30 ġurnata wara li ddikjara li l-liġi li ppermettietlu ikompli dik il-kirja kienu misjuba li jiksru d-drittijiet fondamentali tas-sid tar-residenza.

Sa issa, kulmin kellu propjeta’ li kienet maqbuda taħt il-liġijiet antiki tal-kera, kien ikollu jiftaħ kawża Kostituzzjonali sabiex ikollu dikjarazzjoni li l-liġi l-antika tal-kera tiksirlu d-dritt fondamentali tat-tgawdija tal-propjeta’. F’dawn il-każi, il-Qorti Kostituzzjonali dejjem sabet favur is-sid u kienet tordna kumpens lis-sid.

Iżda biex jieħu lura l-pussess tal-propjeta’, is-sid irid jiftaħ kawża oħra quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera, proċess li jinvolvi iktar żmien u iktar spejjeż.

Iżda l-liġi tipprovdi wkoll sabiex persuna tmur quddiem il-Qorti u titlob deċiżjoni b’dik li huma magħrufa bħala proċedura sommarja – fejn il-Qorti tieħu deċiżjoni b’mod iktar spedit, fi ftit ġimgħat.

Fis-sentenza tiegħu, il-Bord li jirregola l-Kera mexa ma’ sentenzi passati, fejn il-Qorti kienet irraġunat li jekk tordna biss il-ħlas ta’ danni u tħalli li l-liġi jkompli ikollha effett bejn il-partijiet, il-Qorti tkun qiegħda effettivament tippermetti li jkompli l-iStat ta’ anti-kostituzzjonalita’.

Fid-dawl ta’ dan, tkompli s-sentenza, li kieku l-Bord kellu jiddeċiedi mod ieħor, ikun qiegħed jipperpetwa il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrent, jiġifieri, is-sid tal-propjeta’ u għaldaqstant ordna li l-inkwilin jiżgombra mir-residenza fi żmien 30 ġurnata.

Dan hu fost l-ewwel kawżi fejn intużat il-proċedura sommarja. Esperti fil-kamp legali qed ibassru li din is-sentenza se twassal biex iktar Qrati u Tribunali isegwu dan il-każ u li se jfisser li jkompli jiqsar iż-żmien fejn sid ta’ propjeta’ mikrija qabel l-1995 ikun jista’ jieħu lura il-pussess ta’ ħwejjġu.

L-Avukati Edward Debono u Karl Micallef dehru għas-sid tal-propjeta’.