Internazzjonali

Xi jfisser il-ftehim il-ġdid mar-Renju Unit?

Minbarra l-bidu tas-Sena l-Ġdida, il-jum tal-Ġimgħa fisser ukoll bidu ta’ relazzjoni ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Dan hekk kif daħal fis-seħħ uffiċjalment il-ftehim relatat mal-Brexit.

Ftehim li l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson iddeskrivieh bħala kisba ta’ libertà li bih l-Ingliżi jistgħu jagħmlu l-affarijiet differenti u jekk hemm bżonn, aħjar mill-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-kisba tal-libertà li ddeskriva Johnson tiġi bi prezz għoli għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-Unjoni Ewropea li bi ħsiebhom jaqsmu l-fruntiera ta’ xulxin. Prezz li jfisser ukoll regoli u burokraziji ġodda, li issa se jimlew il-vojt li ħallew il-liġijiet Ewropej.

Il-Kummissjoni Għolja Ingliża għal Malta qed tissuġġerixxi liċ-ċittadini Britanniċi li jinsabu Malta biex iżommu lilhom infushom aġġornati bit-tibdil fir-regoli tar-Renju Unit.

Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni Għolja spjegat li r-regoli l-ġodda li issa daħlu fis-seħħ jinkludu diversi setturi … bħas-safar, l-irtirar, iċ-Ċittadinanza, il-merkanzijja, u t-taxxa, fost l-oħrajn. Jispikkaw ir-regoli dwar il-Visas, l-importazzjoni tal-karozzi, il-banek u s-saħħa.

U hekk kif ir-Renju Unit hu post popolari ferm għall-Maltin – kemm bħala sors ta’ turiżmu, kif ukoll għall-kummerċ – dawn ir-regoli jfissru wkoll li l-Maltin li beħsiebhom imorru l-Ingilterra, għandhom bżonn japplikaw għal Visa ta’ turiżmu mingħand il-Gvern Britanniku. Din tapplika wkoll għaċ-ċittadini Britanniċi li se jiġu Malta.

Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini Britanniċi li diġà jinsabu f’pajjiżna għandhom bżonn japplikaw għall-Karta tar-Residenza sat-30 ta’ Ġunju billi jkellmu lil Identity Malta.

U min jixtieq jimporta karozzi mir-Renju Unit, issa mistenni jiffaċċja aktar restrizzjonijiet. Fost l-oħrajn, l-iffirmar ta’ logbook apposta għall-esportazzjoni permanenti tal-karozzi barra mir-Renju Unit u anke li jikkuntattjaw lill-Aġenzija Britannika tal-Liċenzjar bid-dettalji personali tas-sid il-ġdid tal-karozza. Barra minhekk, il-logbook iffirmat għandu jinżamm sigur għand is-sid il-ġdid.

Fil-każ ta’ saħħa jew emergenza, iċ-ċittadini Britanniċi li ilhom jgħixu Malta u jħallsu s-Sigurtà Soċjali f’pajjiżna se jibqgħu ma jħallsux għas-servizz mediku Malti. Madankollu, dawk il-Britanniċi li beħsibhom jidħlu fl-Ewropa huma mħeġġin japplikaw għall-Karta tal-Assikurazzjoni Ewropea tas-Saħħa f’każ ta’ xi emerġenza … u jekk ma japplikawx għal dan id-dokument, se jkollhom iħallsu għas-servizz mediku.

Il-Kummisjoni Għolja Ingliża appellat ukoll liċ-ċittadini Britanniċi li qed jaħdmu fl-Unjoni Ewropea biex isegwu l-avviżi li mistennija jinħarġu mill-Banek Brittaniċi. Dan minħabba li ċerti banek jistgħu ma jibqgħux jaċċettaw ħlas minn pajjiżi barra mir-Renju Unit u għalhekk, dawn ma’ jkunux jistgħu jitħallsu għal xogħolhom.