“Fis-sigħat bikrin tat-tieni jum tas-sena l-ġdida 96 immigrant kienu bejn ħajja u mewt fl-ibħra tat-tiftix u salvataġġ Maltin”. Hekk tenniet l-għaqda Alarm Phone meta s-Sibt salvat lil dawn l-immigranti.
L-NGO Alarm Phone qalet fost dawk salvati hemm 17-il minuri u żewġ nisa.
L-Għaqda mhux governattiva qalet li meta rċeviet il-messaġġi li dgħajsa bejn il-Libja u Malta tinsab fil-periklu, mill-ewwel infurmaw lill-awtoritajiet Maltin, iżda kompliet li dan kollu kien għalxejn hekk kif ma rċevew l-ebda tweġiba.
L-Alarm Phone fi tweet qalu li din il-ħaġa saret tiġri ta’ spiss… bl-awtoritajiet Maltin ma jweġbux għat-telefonati li jagħmlu huma.
Bħalissa dawn l-immigranti jinsabu fuq il-bastiment tal-Open Arms, u sa issa fuq dan il-bastiment diġà hemm 157 immigrant oħra li kienu salvati fl-aħħar jum tas-sena li għaddiet fl-ibħra Libjani.
Sa issa għadna ma nafux jekk dawn l-immigranti hux se jiddaħħlu f’pajjiżna jew le.