Lokali Qorti

Akkużat li samat u kisser kikkra f’wiċċ raġel

Anzjan wieġeb mhux ħati għal akkużi li affaċja l-Ħadd fil-Qorti meta deher quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, liema akkużi jinkludu li fera gravament raġel wara li tefa’ il-kafe jaħraq fuqu u kisser il-kikkra fuq wiċċu.

Il-każ, allegatament seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu f’Ħaż-Żabbar wara argument li nqala’ bejn it-tnejn, fejn jidher li t-tnejn kienu ilhom bl-argumenti bejniethom.

L-akkużat, Joseph Spiteri mill-Kalkara, kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu sikkina, hedded lill-vittma, dagħa fil-pubbliku, u saq il-karozza personali tiegħu mingħajr liċenzja valida.

Joseph Spiteri ngħata l-libertà proviżorja filwaqt li ġie ordnat iħallas depositu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €4,000. Hu ġie ordnat jiffirma fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa.