Lokali Qorti

Akkużat li xerred tazza tal-kafè tagħli fuq raġel wara argument


Raġel ta’ 64 sena tressaq b’urġenza u wieġeb mhux ħati li weġġa’ b’mod gravi raġel wara li xerred fuqu tazza bil-kafè tagħli f’argument kmieni filgħodu f’Ħaż-Żabbar. L-allegat vittma qal ukoll li l-akkużat wkoll li kisser it-tazza f’wiċċu.

Joseph Spiteri, mill-Kalkara, ċaħad li weġġa’ lill-vittma f’dak li jidher każ ta’ żewġt irġiel lil ilhom ma’ xulxin bit-tikketta, xi ħaġa li ilha teżisti bejn it-tnejn.

L-Ispettur Darren Buhagiar qal lill-Maġistrat Doreen Clarke li l-inċident seħħ fi Pjazza Medjatrici fis-6.30am tas-Sibt li għadda. Spiteri ġie mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu sikkina, li hedded lill-vittma, li beda jidgħi fil-pubbliku u li saq il-karozza Toyota Starlet tiegħu mingħajr liċenzja valida tas-sewqan.

Huwa ngħata l-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ € 4,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma l-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa. L-Avukat Matthew Xuereb deher għal Spiteri filwaqt li l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-allegat vittma.