Lokali

Anzjana fil-periklu tal-mewt wara inċident fis-Swieqi

Anzjana ta’ 76 sena tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku fis-Swieqi. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.30am tal-Ħadd fi Triq Sant’ Andrija.

Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Fiat misjuqa minn mara ta’ 30 sena residenti ż-Żurrieq, u vettura oħra misjuqa minn raġel ta’ 70  sena residenti Tal-Pietà. F’din tal-aħħar kien hemm mara ta’ 73 sena residenti ix-Xgħajra u mara ta’ 76 sena residenti is-Swieqi stess. Passiġġier fil-karozza Fiat kien hemm raġel ta’ 31 sena residenti s-Swieqi.

Fuq il-post mar minnufih tim mediku fejn ta l-ewwel assistenza. Aktar tard il-mara ta’ 76 sena ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji u li tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li t-tliet persuni l-oħra ġarrbu ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.