Futbol Sport

Bosta klabbs iħarsu li jsaħħu l-iskwadri tagħhom fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Hekk kif minn għada jiftaħ is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar lokalment, fl-aħħar jiem kienu bosta t-tħejjijiet mill-klabbs lokali sabiex isaħħu l-iskwadri rispettivi tagħhom sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom sa tmiem l-istaġun.

Ħamrun Spartans li jinsabu jaqsmu l-ewwel post fil-Kampjonat BOV Premier jidher li se jkunu attivi sew f’dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif matul ix-xahar li għadda neħħew lil attakkant Brażiljan Marcelo Barbosa fej rritorna f’Għawdex ma’ Nadur Youngster bl-għan li jillibera post fl-iskwadra ta’ Ħamrun għal akkwist barrani maġġuri. Minkejja li fl-aħħar sigħat il-klabb ta’ Ħamrun ċaħad rapporti li dehru f’sezzjonijiet tal-midja lokali, li l-klabb se jkun qiegħed jakkwisti lil Mario Balotelli u lil Alexandre Pato, jidher li l-klabb jinsabu f’diskussjonijiet biex jakkwista lill-attakkant Franċiż eks Arsenal fost l-oħrajn Yaya Sanogo li jinsab mingħajr klabb. Jidher li hemm bosta klabbs li qed jiġru wara l-firma ta’ Sanogo bil-favoriti jkunu Spartak Moscow. Skond sorsi qrib il-paġna tal-programm Replay, Ħamrun jidher li qed ifittxu wkoll li jakkwistaw difensur kif ukoll attakkant u fl-aħħar sigħat jidher li l-klabb talab informazzjoni dwar l-attakkant Nikola Vasic li se jkun qed iħalli lil Reggina, bl-istess sorsi jikkonfermaw li l-klabb se jkun qiegħed iħares lejn invesitment sostenibbli aktar milli se jkun qed jibbaża fuq ismijiet sensazzjonali.

Klabb ieħor li jidher li se jkun ferm attiv f’dan is-suq tat-trasferimenti huwa l-klabb ta’ Senglea Athletic fejn il-klabb se jkun qed jagħmel tibdil kbir fl-iskwadra bl-għan li jisaħħaħ u jsalva postu fil-Kampjonat BOV Premier hekk kif Senglea jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika b’żewġ punti biss. Il-klabb mill-Isla fl-aħħar jiem ħabbar l-akkwist tal-eks gowlkiper ta’ Rabat Ajax Andrew Zammit li ngħaqad magħhom b’self sat-tmiem l-istaġun kif ukoll tal-plejer versatili eks San Ġwann Dion Fava. Senglea ffirmaw ukoll lid-difensur Sergio Osagho Uyi li diġa lagħab mal-klabb fl-istaġun 2017/18 kif ukoll lill-midfielder Samuel Buhagiar u lill-attakkant Freud Gnindokponou Minn naħa tagħhom il-klabb għażel li jneħħi lil Kevaun Atkinson, lid-difensur Serb Nikola Terzin, lill-midfielder Uros Parezanin u lid-difensur ta’ esperjenza Lee Galea.

Gżira United ukoll se jkunu mpenjati ferm f’dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif wara li l-klabb laħaq ftehim ma’ Amadou Samb biex itemm l-esperjenza tiegħu, jidher li l-klabb ta’ Gżira laħaq ftehim biex id-difensur Karl Pulo jirritornaw mal-klabb wara esperjenza ma’ Tarxien Rainbows. Il-klabb laħaq ukoll ftehim mal-attakkant ta’ Sirens Maxuell Samurai li se jkun qiegħed jinaqgħad magħhom fil-jiem li ġejjin b’Hamed Kone jissieħeb ma’ Sirens, kif ukoll tal-attakkant mill-Bosnija, eks Celtic Bahrudin Atajic.
Lija Athletic jidher li mhux se jċedu għall-pressjoni ta’ bosta klabbs ewlenin li għamlu talba biex jakkwista l-attakkant prolifiku Erjon Beu, bil-klabb jirrifjuta bosta offerti filwaqt li Lija ċedew lil Ryan Dalli u lil Mc Allister Clinch.

Balzan akkwistaw lill-midfielder Serb Milan Duric li fl-aħħar snin kien qed jilgħab fis-Serbja ma’ Vojvodina kif ukoll ma’ Central Coast Mariners fl-Awstralja. Jidher li dan mhux se jkun l-unika akkwist għall-klabb ta’ Balzan hekk kif il-klabb jinsab fit-tnax –il post tal-klassifika bi 12-il punt.