Futbol Sport

Chelsea umiljati minn Man City fi Stamford Bridge

(Ritratt: EPA)

Manchester City ġabu fix-xejn lil Chelsea fi Stamford Bridge bħalma jindika l-iskor finali, 3-1, u minkejja li s-Citizens niżlu għal din il-logħba mingħajr diversi plejer regolari.
Ir-riżultat, b’hekk, kompla jgħabbi l-inkwiet fuq il-manager tal-Blues, Frank Lampard, wara sekwenza mill-aktar negattiva li ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat. Dan minkejja li l-klabb minn Fulham Broadway, matul is-sajf, kien nefaq xejn anqas minn 200 miljun Sterlina fuq l-akkwisti l-ġodda bil-għan li jisfida għall-aqwa unuri wara d-diżappunti tal-aħħar staġujni
Intant, fl-ewwel taqsima Man City fetħu vantaġġ tripplu fi spazju ta’ sittax-il minuta biex prattikament temmew kull tama ta’ Chelsea – u Frank Lampard – li jsalvaw xi ħaġa mil-logħba.
Il-gowl tal-1-0 wasal minn Ilkay GUNDOGAN li sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx — b’Phil FODEN jirdoppja tliet minuti wara b’first timer stupend u b’Kevin DE BRUYNE jagħmilhom tlieta fuq ħarba veloċi. Dan waqt li d-difiża ta’ Chelsea litteralment ikkrollat quddiem il-ħeffa u l-veloċità tat-tim immexxi minn Pep Guardiola.
Ir-reazzjoni tal-Blues ma waslet qatt u kellu jkun Callum HUDSON-ODOI li skorja l-gowl tal-bandiera meta, fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, ġera għall-cross baxx ta’ Kai Havertz biex jegħleb mill-viċin lil Zack Steffen għal 3-1.
B’din it-rebħa, Man City telgħu l-ħames fil-klassifika tal-Premier League b’29 punt, l-istess bħal Tottenham Hotspur u Everton.

Leicester City kisbu l-punti massimi mill-konfront, 2-1, ma’ Newcastle United f’St James Park, bil-Foxes issa jinsabu t-tielet fil-Premier League – bi żvantaġġ ta’ punt wieħed biss mal-joint leaders, Liverpool u Manchester United, iżda b’logħba aktar.
Newcastle niżlu għal din il-logħba b’kuraġġ kbir wara d-dro impressjonanti ta’ ftit jiem ilu ma’ Liverpool — iżda wara li l-Geordies irreżistew l-attakki ta’ Leicester tul l-ewwel taqsima, huma ma setgħu jagħmlu xejn meta, fil-55 minuta, James MADDISON spara ġewwa fuq l-assist ta’ Jamie Vardie, għall-1-0.
Fis-72 minuta kien imiss lil Youri TIELEMANS li, wara li rċieva mingħand Marc Albrighton, irdoppja għall-Foxes b’xutt bid-dawwra għar-rokna tax-xibka.
Intant, tmien minuti mit-tmiem, Newcastle daħlu fil-logħba meta Andy CARROLL għeleb lill-gowlkiper Schmeichel b’vollety perfett – u għall-ewwel gowl tiegħu mindu hu ssieħeb mill-ġdid mal-Geordies f’Awwissu tal-2019.