Lokali

“Fis-sema għandna anġlu ieħor”

Mewġa kbira ta’ solidarjetà mal-fotografu Darrin Zammit Lupi u l-familja wara li l-Ħadd filgħodu fuq il-media soċjali ħabbar li bintu Rebecca Zammit Lupi ħalliet lil din id-dinja wara li tilfet il-battalja tagħha ma’ marda qarrieqa. 

Dwar bintu Rebecca ta’ 15-il sena, Darrin kiteb hekk: “Fis-sema issa għandna anġlu ieħor”.

Ritratt meħud minn Darrin Zammit Lupi

Darrin, omm Rebecca, Marisa, u l-familja Zammit Lupi fl-aħħar xhur esperjenzaw perjodu diffiċli ħafna minħabba l-pandemija, meta Rebecca kienet qed tirċievi kura fl-Isptar Mater Dei. U kien minħabba f’hekk li missierha qatta’ ġimgħat twal ma jarax lil bintu.

Dan il-fatt infatti kien issemma’ wkoll mill-għalliem tagħha taż-żfin meta iddedikalha korjografija emozzjonanti waqt Malta’s Got Talent. Rebecca kienet mhux biss żeffiena, iżda wkoll kienet attivistà fis-sejħiet li kienu jagħmlu l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Xhur ilu… f’post fuq Facebook, fil-31 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet Rebecca Zammit Lupi kienet kitbet l-esperjenza tagħha fejn qalet li ma kinitx qed taħseb li kienet se ddum daqshekk għaddejja bit-terapija, u li kienet qed taħseb li se tkompli l-iskola dalwaqt. Hija kitbet li fi ġranet kienet tħossha mdejqa u rrabjata, iżda fi ġranet oħra kienet tħoss ħafna mħabba u sapport li kien jimmotiva. Hija kienet irringrazzjat lil kulħadd tal-għajnuna li b’xi mod jew ieħor kulħadd kien qed itiha, inkluż il-familja u l-ħbieb.

F’quddiesa fis-Solennità tal-Epifanija, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna esprima d-dieqa tiegħu għal din l-aħbar u kif ukoll wassal messaġġ ċkejken qabel tmiem il-quddiesa.

“Nixtieq insellem il-memorja tagħha.. ejja nitolbu għal ruħha, u nitolbu lil kull min għaddej minn xi mument diffiċli f’dawn il-ġranet.

Il-kewba tas-salvatur tiddi fuqna u ssejħilna għall-ġenna”

Intant f’ messaġġ fuq Facebook l-għaqda Puttinu Cares qalet li tinsab b’qalbha maqsuma bil-mewta ta’ Rebecca. L-għaqda qalet li Rebecca se jibqa’ dejjem ikollha post f’qalb dawk kollha li kienu jafuha.

Net News jesprimi solidarjetà mal-familja Zammit Lupi f’dan il-mument diffiċli.