Lokali

“Il-poplu jrid politiċi maturi li jagħtu gwida denja” – Bernard Grech

“Hemm bżonn li lkoll flimkien inqumu għall-okkazzjoni u nikbru…ma jistax ikun, il-poplu għeja li l-politiċi jimxu b’mod dilentatesk… ejjew nimxu ‘l quddiem għall-ġid tal-pajjiż”.

Stqarrija ċara fil-messaġġ tiegħu l-Kap tal-PN Bernard Grech waqt li kien intervistat fuq Net FM fejn tenna fost l-oħrajn biex il-politika Maltija tkun qed tirrifletti ħidma fejjieda għall-poplu Malti u mhux mibnija fuq attakki qarrieqa.

Robert Abela jibqa’ ma jilqax l-isfida tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jippubblika d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa ta’ qabel l-2017.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi fuq kif Robert Abela qed jaħbi d-dikjarazzjonijiet tiegħu tat-taxxa ta’ qabel l-2017. Dan fid-dawl li l-Prim Ministru nqabad jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu u issa qed jipprova jiddevja l-iskrutinju minn fuqu. Huwa qal li issa huwa fatt li l-PM nqabad li tkellem mal-Kumissarju tat-Taxxa Marvin Gaerty dwar dettalji personali tal-Kap tal-PN.

Tul l-intervista l-Kap tal-PN elenka li l-poplu Malti jrid politiċi maturi, li jigwidaw lill-poplu. Huwa appella biex il-politika timxi fuq mod ġust… u mhux politika tad-dilettanti, iżda jrid li Malta jkollha politika fattwali.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-qasam tal-familja fejn tenna li l-PN permezz tal-proposti li preżenta u li se jibqa’ jippreżenta, ressaq diġà numru ta’ emendi li se jgħinu biex il-problemi preżenti fil-Qorti tal-familja jkunu eliminati.

“Ma jistax ikollok tfal li jagħmlu xhur ma jarawx lill-ġenituri… ma jistax rikors idum xhur biex ikun deċiż”

Appella fost l-oħrajn biex fil-Qorti tal-familja jkollna esperti li jkunu full-time, li jgħinu lill-familji u lill-proċess legali.

“Agħmlu kuraġġ il-PN huwa ħaj, il-PN qed jikber u jissaħħaħ u se jkun jkun forza politika speċjali u partikolari għal pajjiżna”

Intant Bernard Grech qal li fl-ewwel xhur tiegħu bħala Kap tal-PN, ħadem ma’ kulħadd biex flimkien tkun imwettqa politika ġusta u ta’ fejda. Huwa għalaq b’dan l-appell fejn tenna li issa rridu naħdmu biex il-Partit Nazzjonalista ikompli jissaħħaħ u jkun alternattiva denja għat-tmexxija ta’ pajjiżna. 

“Ejjew nifdu lkoll flimkien lil dan il-pajjiż”