Coronavirus Lokali

Il-proċess tat-tilqim tal-COVID: It-tobba jemmnu li miexi bilmod wisq

Huma 1,400 dawk li sa issa ħadu t-tilqima tal-Pfizer għal kontra l-COVID – tilqima li bdiet tingħata eżatt ġimgħa ilu. Dan ifisser li s’issa ġew amministrati mal-20% tad-dożi li kienu waslu Malta fis-26 ta’ Diċembru li għadda.

Skont il-Gvern, dan huwa proċess li miexi mal-pjan li tfassal. Għalkemm il-President tal-MAM, it-tabib Martin Balzan, qed jgħid li t-tilqim qed jieħu ż-żmien – u sa issa tlaqqmu biss frazjon żgħir tal-popolazzjoni, meta kumparat mad-dożi li rċivejna.

L-awtoritajiet qalu li fil-ġranet li ġejjin mistennija jibdew jingħataw 2,000 vaċċin kull ġimgħa biex fil-ġimgħat ta’ wara l-ammont jiżdied għal 5,000 vaċċin fil-ġimgħa. Dan biex b’hekk, il-pjan tal-awtoritajiet tas-saħħa hu li sal-bidu tas-sajf pajjiżna jilħaq herd immunity.

Il-mira għall-pass li jmiss hi li sa nofs Frar il-frontliners kollha u dawk li għandhom iktar minn 85 sena jkunu tlaqmu.

It-tabib Balzan qal li hemm bżonn li jsir sforz ikbar biex it-tilqim jingħata b’rata iktar maġgħel biex pajjiżna jżomm maż-żmien pjanat. Hu kompla jgħid li jekk il-Prim Ministru jixtieq iżomm ma’ dak li kien qal ftit tal-ġimgħat ilu, jiġifieri li pajjiżna jmur lura għan-normal kif konna qabel il-pandemija sa Mejju, dan żgur mhux se jseħħ hekk kif waqajna lura fit-tilqim.

Kull ġimgħa, pajjiżna kellu jirċievi mal-10,000 vaċċin, li jfisser li f’Malta s’issa waslu 20,000. Dan ifisser ukoll li huwa ammont żgħir ħafna mit-tilqim li beda jingħata, bil-MAM tissuġġerixxi li diġa’ waqgħajna lura ħafna.

Balzan kompla jgħid li t-tilqim għandu jingħata bl-istess rata li qed nirċievu l-vaċċin, tant li l-freezers għandhom ikunu battala sakemm tasal il-konsenja li jmiss.