Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ erba’ snin ħabs wara każ ta’ pedofelija

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ erba’ snin priġunerija mogħtija lil pedofilu li llum għandu 45 sena, talli għamel sess ma’ tifla ta’ 12-il sena u li kkorrompa lil ħabibha tagħha ta’ 10 snin.

L-Imħallef Aaron Bugeja sema’ l-appell ippreżentat minn Leslie Vella ta’ 45 sena mill-Isla li kien ġie akkużat li fl-2017 li għamel użu ħażin mit-teknoloġija billi ppropona li jiltaqa ’ma’ tifla ta’ 12-il sena, u li pparteċipa f’attività sesswali ma’ tifla oħra ta’ 10 snin.

Meta Vella kien spiċċa arrestat erba’ snin ilu, il-Qorti kienet semgħet kif il-ġenituri taż-żewġt itfal kienu marru għand il-Pulizija wara li waħda mill-bniet kienet qalet lill-kuġinuha dwar l-abbuż.

Dan minn naħa tiegħu kien qal lil ommu, u din infurmat lill-ġenituri. Vella kien ikkorrpma lit-tifla ta’ 10 snin u fil-każ tat-tifla ta’ 12-il sena, l-affarijiet marru oltre għax kellu x’jaqsam magħha sesswalment.

L-abbuż seħħ ħdejn supermarket f’Ħal Qormi u fejn il-baħar f’Marsascala ħdejn is-sit tal-fejn kienet il-lukanda Jerma. Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, ir-raġel kien ammetta mal-Pulizija li kien abbuża minn waħda mit-tfajliet fi proprjetà li qiegħda mal-baħar, iżda mhux lil-oħra.

Skont id-difiża t-tifla kienet parteċipant ma’ Vella sesswalment bil-kunsens tagħha u li hija diġa kienet diġà attiva sesswalment u argumentat li skont il-liġi persuna li diġa hija ‘attiva sesswalment’ u għamlet li għamlet bil-kunsens tagħha ma tistax tissejjaħ bħaa persuna li ġiet abbużata.

Fil-fatt, l-Imħallef innota li x-xhieda tat-tifla ta’ 12-il sena kienet waħda sorprendenti. “Anke l-mod kif iddeskriviet l-approċċ tagħha għall-proposta ta’ sess karnali ma’ l-appellant, fejn għalkemm għall-ewwel kienet mhux konvinta, ħareġ li ma kellhiex bżonn wisq ħin biex tagħti l-kunsens tagħha u twettaq dak mitlub minnha.

“Il-fatt li din l-istess minorenni kienet diġà kellha attivitajiet sesswali ma’ tifel sena akbar minnha, u li hija għażlet ukoll li tinvolvi lil Vella fil-wiri ta’ filmat tal-ġenitali tat-tifel, wera ċertu laxkezza fil-mod li bih din minuri hija relatata mas-sess – minkejja l-fatt li kienet tifla ta’12-il sena. ”

Il-Qorti argumentat li anke fis-soċjetà tal-lum, fejn is-sess ma kienx għadu tabù, iżda kien “saret xi ħaġa rħisa imxandra u mibjugħa fuq diversi mezzi tax-xandir u l-internet … fejn is-soċjetà Maltija kienet bdiet tittratta materjal sesswali b’mod differenti, fejn l-età tal-kunsens tnaqqset għal 16 u anke jekk dan il-minuri … ma kienitx ġdida għal esperjenzi sesswali, min-naħa l-oħra ma jistax jingħad li l-imġieba ta’ Vella għamlitilha xi ġid. ”

Raġel li dak iż-żmien kellu 41 sena li għadda minn diversi esperjenzi ta’ numru ta’ nisa f’ħajtu, ma kellu l-ebda raġuni biex jidħol f’relazzjoni sesswali oħra, din id-darba ma’ tifla ta ’12-il sena, qal l-Imħallef Bugeja.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati, u osservat li l-laqgħat sesswali li t-tifla kellha mal-akkużat imorru ferm lil hinn minn dak li kienet esperjenzat mal-għarus tagħha ta’ 13-il sena.

“L-evidenza turi li l-appellant kien introduċieha għas-sess anali. Pjuttost, huwa kien ħeġġeġ din l-attività bil-għan li jkun jista’ jikkunsma l-att sesswali mingħajr ir-riskju li l-minuri tinqabad tqila.”

Il-minuri kienet qalet li r-raġel ried “jidra” din l-attività, li l-qorti interpretat bħala li tindika li r-raġel kellu pjanijiet għal aktar abbuż. Fir-rigward tal-piena mogħtija lill-akkużat, il-Qorti qalet li din kienet taqa’ taħt il-parametri tal-liġi, u kienet viċin il-minimu mogħti minħabba l-fatturi aggravanti.

“Iżda iktar minn dan, il-piena mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati tirrifletti l-gravità tal-każ fejn l-appellant, raġel ta’ 41 sena kien għamel attivitajiet sesswali ripetuti u ħerqana ma’ tifla ta’ 12-il sena, parti minn grupp ta ’adulti ħbieb u tfal oħra frekwentati mill-appellant.”

Kieku r-raġel irreżista l-passjonijiet tiegħu u ħasebha sewwa, huwa kien jevita ħafna uġigħ għalih innifsu u għall-oħrajn, kompla jgħid l-Imħallef, hekk kif ikkonferma s-sentenza oriġinali.

Il-Qorti imponiet ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-vittmi. L-Avukat David Camilleri deher għall-akkużat fiklwaqwt li l-avukati Mario Mifsud u Francois Dalli dehru bħala parte civile għan-nom tal-vittmi.