Formula 1 Sport

Michael Schumacher jagħlaq 52 sena

Illum jagħlaq sninu l-leġġenda tal-Formula 1 il-Ġermaniż Michael Schumacher. F’gheluq it-52 sena tiegħu kienu bosta dawk li fakkru l-aqwa mumenti tiegħu fl-isport tal-Formula 1 fosthom ir-rebħ tal-kampjonat għal rekord ta’ seba’ darbiet, liema rekord intleħaq ftit tax-xhur ilu mis-sewwieq Brittaniku Sir Lewis Hamilton.

Sfortunatament Schumacher kellu inċident ġewwa l-Alpi fl-Iżvizzera fl-2013 waqt li kien qiegħed fuq vaganza tal-iskiing flimkien mal-familja u sofra ġrieħi f’moħħu li ħallewh f’qiegħ ta’ sodda. Filwaqt li qatta’ sena f’coma, fl-2014 it-tobba u mediċi rnexxielhom joħorġuh minnha iżda l-movimenti u l-komunikazzjoni tiegħu huma limitati ħafna tant li rapporti saħqu li spiċċa ipparalizzat. L-eks kap tal-Ferrari Jean Todt fl-2019 saħaq li Schumacher baqa’ jiġġieled u se jibqa’ jiġġieled flimkien mal-familjari tiegħu u jinsab f’idejn l-aqwa professjonisti mediċi. Iż-żjarat lil Schumacher huma limitati ħafna u l-mara Corinna għandha d-dritt li tiddeċiedi min imur jarah jew le, anke minħabba l-fatt li fl-aħħar xhur kien qiegħed jinħadem film dwar is-sewwieq Michael Schumacher.