Lokali

“Politika antikwata fl-enerġija ttellifna minn prospetti fil-futur” – PN

L-aħbar li l-Gvern tilef il-fondi Ewropej għall-pipeline tal-gas hija konferma kemm il-politika għall-enerġija tal-Gvern Laburista hija antikwata u nieqsa minn kull kunsiderazzjoni futuristika.

Il-PN permezz ta’ Ryan Callus il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-ilma qal li d-deċiżjoni tal-lum mill-Kummissjoni Ewropea hija ċertifikat li filwaqt li l-politikanti Laburisti kienu mitlufin fit-tbażwir mill-power station tat-tanker tal-gass, l-iżvilupp teknoloġiku għaddihom, biex issa għandna sitwazzjoni fejn pajjiżna ma ħasibx għall-futur b’teknokoġija tal-idroġenu.

Il-Partit Nazzjonalista jrid madankollu jirringrazzja lill-inġiniera u ħaddiema tal-Melita Transgas u oħrajn li ħadmu sabiex kienet sottomessa din l-applikazzjoni. L-aħbar tal-lum mhix nuqqas tal-ħaddiema, iżda frott il-politika żbaljata tal-Gvern Laburista. Hija wkoll turija tan-nuqqas ta’ rieda politika tal-Gvern li jimmassimizza mill-fondi Ewropej fis-settur tal-enerġija, u mill-potenżjal ta’ teknokoġija li tista’ toffrilna l-aħjar prezzijiet u l-irħas kontijiet tad-dawl.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li filwaqt li l-Kabinett jitkellem fuq in-newtralita’ tal-karbonju, fl-istess nifs il-Gvern ifittex li jagħmel pipeline marbut ma’ teknologija li temetti l-karbonju. Il-loġika tiddetta li l-Gvern jikkunsidra sew il-possibbiltajiet li jagħtu teknoloġiji ġodda bhall-idrogenu u oħrajn, li huma l-uniku futur tal-produzzjoni tal-elettriku li huwa sostenibbli.