Lokali

X’se jkun il-futur wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi?

Fil-perjodu tal-festi għaddew… ħafna żammew lura biex jevitaw it-tixrid tal-virus… iżda ħafna oħrajn żgarraw u injoraw l-appelli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u nġabru ma’ qraba u ħbieb biex jiċċelebraw il-Milied u bidu ta’ Sena Ġdida.

Fid-dawl ta’ dan, l-Editorjal ta’ The Malta Independent isaqsi x’se jkun l-konsegwenza wara li għadd ta’ Maltin inġabru flimkien biex jiċċelebraw dan iz-zmien. Dan deher ċar hekk kif iċ-Ċirkewwa rat ġemgħat ta’ karozzi li reħewla lejn Għawdex, sinjal li ftit kienu dawk li żammew mal-bubble tagħhom u żammew id-distanza soċjali. U ma jistax jonqos ukoll l-għadd ta’ ritratti li ttellgħu fuq il-midja soċjali f’numru kbir ta’ persuni li ma jgħixux fl-istess dar iżda kienu fl-istess post flimkien.

L-Editorjal ikompli jgħid li n-nies bħallikieku serħu rashom u qed iħossuhom iktar siguri issa li l-vaċċin wasal f’pajjiżna u beda jingħata. Madanakollu, il-proċess tat-tilqim għadu fl-istadju bikkri tiegħu, bi ftit ħafna huma dawk li ħaduh u b’hekk it-tixrid tal-virus għadu aggravat daqs kemm kien fix-xhur li għaddew.

U kif qed ikun imbassar minn ħafna, dawn l-avvenimenti li saru bejn il-ħbieb se jkunu r-riżultat xejn sabiħ ta’ żieda fil-każijiet pożittivi tal-COVID-19 u riskju ikbar għal dawk l-iktar vulnerabbli.

L-istess messaġġ kien minn naħa tal-Editorjal ta’ The Sunday Times of Malta hekk kif il-COVID serqet ix-xena hekk kif wieħed jibda jaħseb fuq il-futur ta’ pajjiżna, fejn minkejja li il-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena qal li pajjiżna għandu jerġa’ jmur lura għan-normal minn Mejju, l-Editorjal jistaqsi jekk verament nixtiequ mmorru lura għal li konna qabel il-pandemija.

Dan hekk kif, minkejja li l-pandemija ġabet ħafna restrizzjonijiet magħha, ġabet ukoll għadd ta’ affarijiet li wieħed seta’ tgħallem minnhom. Fost dawn hemm ir-rispett lejn l-anzjani u l-vulnerabbli, in-nuqqas ta’ traffiku waqt is-semi-lockdown li pajjiżna esperjenza u t-titjieb fit-teknoloġija ta’ kif beda jsir ix-xogħol mid-dar.

L-Editorjal iħeġġeġ biex dawn jiġu ikkunsidrati li jiġu applikati fil-ħajja ta’ kuljum għal ħajja aktar f’saħħitha u nuqqas tat-tniġġis fl-arja.