Lokali Qorti

Xufier tat-taxi mixli li attakka klijent b’martell

Xufier tat-taxi miż-Zejtun ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li attakka li attakka wieħed mill-klijenti tiegħu li kien ma’ sieħbu wara li wassalhom fid-destinazzjoni tagħhom.

Christian Lawrence Desira ta’ 35 sena tressaq il-Qorti b’urġenza mixli li kkawża ġrieħi fuq Alin Mircea Ladariu mir-Rumanija u li hedded lil sieħbu Luis Pierino Vargas Garcia mill-Kolombja.

Fil-Qorti ħareġ li kif Desira fl-ewwel tas-sena rikkeb lil Garcia u Ladariu fil-karozza tiegħu. Iż-żewġ barranin ma għoġbithomx it-triq li għażel li jieħu Desira u li dawn ħarġu mill-karozza u kkawżaw ħsara fuq il-vettura billi bdew isabbtu fuqha.

Desira wara allegatament ħareġ martell min-naħa tiegħu u ta daqqa fuq wara ta’ ras Ladariu. L-irġiel ħarbu minn fuq il-post u marru jagħmlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan fejn ftit tal-ħin wara mar ukoll l-akkużat.

Meta d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb għamla talba għal libertà proviorja, il-Prosikuzzjoni oġġezzjonat u qalet li Desira seta’ faċilment isuq sal-Għassa u jirrapporta, iżda minflok jieħu l-liġi b’idejh u jweġġa’ gravi lil passiġġier tiegħu.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża fejn Desira inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma fl-għassa taż-Żejtun darbtejn fil-ġimgħa u li ma jikkomunikax mall-vittmi u max-xhieda tal-każ. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar.