Lokali Mużika

135 sena ta’ ħidma biex jimlew il-ħajjiet tan-nies bil-mużika

Il-ħanut tad-diski ‘ta’ D’Amato’ kulħadd jaf fejn qiegħed . Dan il-ħanut fi Triq San Ġwann, il-Belt Valletta, jew kif magħrufa aħjar ma’ dawk ftit akbar fl-età, Strada San Giovanni, kien, u għadu, fost il-ħwienet l-aktar imfittxija minn dawk dilettanti vera tal-mużika.

Imwaqqaf fl-1885, dan huwa wieħed mill-eqdem ħwienet mużikali mhux biss ta’ pajjiżna, iżda anke fl-Ewropa. Meta fetaġ il-bibien tiegħu għall-ewwel darban dan il-ħanut, id-diski tal-vinyl lanqas kienu għadhom ġew ivvintati, iżda ‘ta’ D’Amato’ kienu fuq quddiem f’dan il-qasam f’Malta.

Dak iż-żmien, il-mużika kienet tindaqq minn fuq diski ċilindriċi, biex ftit tas-snin wara waslu d-diski fuq dawra ta’ 78 u eventwalment it-33 u l-45.

F’135 sena ta’ servizz lill dawk kollha li għandhom namra għall-mużika, il-ħanut fi Strada San Giovanni baqa’ miftuħ waqt li Malta kienet qed tiġi bbumbardjata fil-gwerra, u ma waqafx lanqas waqt l-influenza Spanjola.

Iżda kellu jkun il-Covid-19 li jagħlqu għal ftit żmien.

Sal-ġurnata tal-lum,  dan il-ħanut jibqa’ mfittex minn ħafna, anke fl-era tal-MP3s u meta  x-xena  tal-mużika inbidlet kompletmant minn 135 sena ilu. Żgur li jikkontribbwixxi b’ħafna għal dan il-fatt li l-aħwa D’Amato dejjem taw importanza kbira lill-klijenti tagħhom.

Ir-riċerkatur mużikali u preżentatur tar-radju Tony Micallef qalilna li Anthony D’Amato u dawk kollha li jaħdmu f’dan l-istabbiliment ħutu dejjem emmnu ħafna u ħabbew l-mużika Maltija. 

Tony Micallef jgħid li ‘ta’ D’Amato’ minn dejjem kienu ta’ xprun għall-mużika kollha iżda aktar w’aktar għall-mużika lokali. Filfatt huwa jgħid li din il-familja tibqa’ mfakkra għall-kontribut li tat tul is-snin lill-mużika Maltija.

Tony Micallef, Riċerkatur fil-qasam mużikali

Dan għamluh anke meta fis-snin sittin taw ħajja ġdida lil diski li kienu fuq 78 dawra u ma setgħux jindaqqu, billi reġgħu ħarġuhom fuq 45 dawra.

Ritratt: Twitter

Il-mewt fl-aħħar jiem ta’ Anthony D’Amato li tista’ tgħid qatta’ ħajtu jaqdi l-klijenti fil-ħanut fil-qalba tal-Belt ħasdet lil ħafna li kienu jafu, iżda l-legat li ħalla se jiżgura li ‘ta’ D’Amato’ jibqgħu jimlew il-ħajjiet tal-klijenti tagħhom bil-mużika li tant iħobbu.