Ekonomija Lokali

Bidu tas-sena tajjeb għas-swieq finanzjarji Ewropej

Melvyn Mangion jitkellem ma’ Net News dwar l-ahhar zviluppi fis-swieq finanzjarji internazzjonali

Is-swieq finanzjarji internazzjonali bdew is-sena 2021 fuq nota pożittiva. Hekk kif sebah it-Tnejn filgħodu, bosta kienu mħassba kif se jirreaġixxu is-swieq finanzjarji wara sena fejn kellna bosta turbolenzi.

Is-suq finanzjarju Ġermaniż magħruf bħala DAX fetaħ b’żieda ta’ 1.2%. Is-suq Franċiż li jissejjah CAC ukoll beda b’żieda, din id-darba ta’ 1.1%. Ghal kuntrarju id-dollaru Amerikan kompla jiddgħajjef kontra l-ewro. L-aħbar li ħarġet fl-aħħar siegħat dwar il-President uxxenti Amerikan, Donald Trump, jidher li ħalliet impatt negattiv fuq id-dollaru Amerikan.

 Fil-Ġermanja fl-aħħar jumejn biss, kellna kważi 20,000 każ ta’ persuni bil-COVID 19. Dan xorta ma wassalx ghal impatt negattiv fis-suq finanzjarju Ġermaniż. Bosta esperti fis-settur finanzjarju spjegaw dan il-fattur bħala wieħed stramb imma li juri li l-vaċċin qed jitfa’ tama fuq l-investituri tas-swieq finanzjarji.

Bloomberg irrapurtaw li matul is-sena 2020, li tibqa’ mfakkra bħala is-sena li heżżet il-mod kif ngħixu f’dinja moderna, kien hemm żieda sostanzjali fil-bejgħ ta’ postijiet żgħar magħrufa aħjar bħala nano apartments. Din il-frażi hija użata ferm f’Hong Kong. Dan il-fenomenu ġdid juri li bosta bies mhux jaffordjaw jixtru proprjeta’ ta’ valur għoli. Jidher li dan qed jiġri madwar id-dinja kollha, minn Hong Kong ghal Vancouver, ghal Sydney u anke Londra. Bosta qed jatrribwixxu dan l-iżvilupp bħala realta’ li turi faqar b’mod differenti. Analisti finanzjarji spjegaw li dan huwa faqar modern fejn wieħed ma jistax iżomm il-livell ta’ ghajxien li kellu fi snin preċedenti.

Analisti finanzjari oħra qed jikkummentaw dwar dik imsejjħa bħala bużżieqa fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Dawn stqarrew li is-swieq finanzjarji bħalissa qegħdin bejn 20% u 30% iżjed fil-valur minn kemm għandhom ikunu. Minkejja dawn il-kummenti, l-istess analisti mhux qed jaħsbu li se jkun hemm daqqa l’isfel fis-swieq finanzjarji. Bosta kkummentaw li l-votalita fil-bitcoin turi li hemm wisq spekulazzjoni u dan għandu jiftaħ għajnejn bosta investituri.

Investimenti f’enerġija qed ikunu kunsidrati bħala li se jkunu l-iktar popolari matul din is-sena. Huma bosta dawk il-kumpaniji li ilu jisħqu għal ekonomija ħadra, li qed iħarsu lejn is-sena li għadna kif bdejna, bħala vitali biex jimxu l’quddiem. Il-prezz ta-deheb ukoll kompla tiela hekk kif jinsab viċin prezz rekord.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment