Lokali

Id-daqqa tal-pandemija fuq is-settur tal-avjazzjoni

Kif wiehed kien jistenna….tul l-2020 l-ajruport internazzjonali ta’ Malta irreġistra ħafna inqas traffiku meta ċ-ċifri jiġu kkumparati mas-sena preċedenti …b’madwar 35,000 titjira inqas.

Studju mwettaq mill-Eurocontrol, dwar l-impatt li kellha l-pandemija tal-Covid-19 fuq l-industrija tal-avjazzjoni fl-Ewropa, wera fost l-oħrajn li l-akbar tnaqqis fl-aħħar tlett xhur tas-sena fejn jidħol traffiku minn u lejn l-ajruport Malti ġie rreġistrat proprju fil-jum tal-Milied – b’94% inqas mis-sena preċedenti.

Dan filwaqt li lejlet l-ewwel tas-sena l-ivvjaġġar naqas bi ftit inqas minn 85% filwaqt li kompla jonqos fl-Ewwel tas-Sena, b’aktar minn 90%.

L-unika żieda li ġiet irreġistrata kienet fit-23 ta’ Diċembru – b’7 titjiriet iżjed minħabba l-fatt li fl-istess jum tal-2019 it-titjiriet kienu mxekkla kawza tal-attività vulkanika mill-Etna, fi Sqallija.

L-istudju qiegħed ibassar li l-ivjaġġar fl-Ewropea mistenni jilħaq nofs il-livelli tal-2019 – biż-żieda fil-persentaġġ jibda jirpillja mis-Sajf li ġej.  Intant, matul l-2020, l-aktar xahar li dabbar il-qilla qawwija tal-effetti tal-pandemija kien dak ta’ April bi tnaqqis ta’ ftit inqas minn 93% fejn jidħlu titjiriet madwar l-Ewropa. Dan filwaqt li matul is-sena, l-akbar linja tal-ajru Ewropea, Ryanair – rat it-titjiriet tagħha jonqsu b’xejn inqas minn 59%.