L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tesprimi d-diżappunt tagħha quddiem id-dewmien tal-Gvern Laburista dwar ir-riformi tant meħtieġa biex il-qasam tal-bini f’Malta jkun wieħed aktar sikur għal min jaħdem fih u kif ukoll għaċ-ċittadini inġenerali. Dan fid-dawl tal-appelli li saru u għadhom qegħdin isiru lill-Gvern, partikolarment ma kull xahar li jgħaddi mit-traġedja li seħħet fit-2 ta’ Marzu li għadda fil-Ħamrun fejn persuna sfortunatament tilfet ħajjitha, hekk kif ikkollassat id-dar tagħha huwa u jsir skavar fis-sit ta’ biswit.
Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar.
Għalkemm l-intenzjoni tal-Gvern li sa fl-aħħar iwaqqaf Awtorita’ fuq il-bini u l-kostruzzjoni hi waħda tajba, dan mhux biżżejjed. Infatti, ħadd mhu jifhem għaliex il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ppubblikax l-konklużjonijiet tal-kummissjoni li kien ħatar hu stess wara t-traġedja tal-Ħamrun għax kif inhu magħruf din ilha żmien li temmet u ppreżentatlu r-rapport tagħha.
Fil-fehma tal-Oppożizzjoni l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, u allura l-opportunita’ biex ikun hemm rispons xieraq mis-settur, għandu jkun l-ewwel pass biex ir-riformi jitilqu fuq sieq tajba.
Fin-nuqqas ta’ passi sinjifikattivi min-naħa tal-Gvern Laburista biex ir-riformi meħtieġa fis-settur tal-bini jsiru sew u jiddaħħlu malajr kemm jista’ jkun, kull mument li jgħaddi se jkompli jżid ir-riskju ta’ iktar inċidenti f’dan is-settur. Hu dan li jridu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern tiegħu? Ir-responsabbilta’ tinsab kollha kemm hi fuq spallejhom.
//= $special ?>