Lokali

Il-Gvern itellifna €400 miljun f’fondi

Il-Gvern Laburista ma kienx kapaċi jikkonvinċi lill-Kummissjoni Ewropea fil-proċess biex jikseb fondi ħalli jkun jista’ jwettaq il-proġett tal-pipeline tal-gass u għalhekk tellifna b’madwar €400 miljun. Dan il-proġett kellu l-intenzjoni li jgħaqqad lil pajjiżna man-network Ewropea tal-gass u bih, kull familja u negozju kienu jiffrankaw il-flus mill-kontijiet tal-enerġija.

Iżda minkejja l-impenn tal-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi bejn l-2008 u l-2013, fl-aħħar seba’ snin il-Gvernijiet ta’ Muscat u Abela jidher li m’għamlu xejn biex dan il-proġett jimxi ‘l quddiem u jsir.

It-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern wassal biex il-Kummissjoni Ewropea laħqet biddlet fehemtha dwar il-prijorità tal-gass fis-sistema tal-enerġija. Dan hekk kif, biex tilħaq il-miri ambjentali tagħha, l-Unjoni Ewropea naqqset il-livell ta’ prijorità fejn jidħol l-użu tal-gass. Xi ħaġa li pajjiżna kien jevita li kieku l-Gvern Laburista ma damx biex imexxi l-proċess.

F’dan l-istadju, pajjiżna se jkollu jbiddel il-politika tiegħu dwar l-enerġija, hekk kif fis-snin li ġejjin, l-Unjoni Ewropea mistennija tħarrax il-pożizzjoni tagħha fil-konfront ta’ proġetti tal-gass. Għaldaqstant, il-Gvern aktarx ikollu jagħżel li jmur għal sistema tal-idroġenu.

Analisti qed jgħidu li dan kollu hu ċertifikat ħażin ieħor għat-tmexxija tal-Gvern Laburista għax ma tħarisx biżżejjed fit-tul. Dan fl-istess waqt li esponenti ewlenin tal-Gvern u l-Partit Laburista kienu mitlufin fit-tbażwir marbut mal-Power Station il-ġdida u t-Tanker tal-Gass.

Dwar din l-aħbar, żvelata l-Ħadd mill-MaltaToday, skiet totali min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela, bil-Partit Nazzjonalista jgħid li din l-aħbar tikkonferma kemm il-politika tal-Gvern Laburista fil-qasam tal-enerġija hi antikwata.

Ikkummenta