Coronavirus Lokali

Il-MAM tħeġġeġ għal programm iktar intensiv ta’ tilqim

  • Wieħed minn kull 10 biss tal-frontliners tlaqqam sa issa
  • 19,000 vaċċin ilhom ġimgħa qiegħda fil-freezers

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li filwaqt li l-Gvern kiseb miljun u 600,000 doża ta’ vaċċin minn fornituri varji u kien imwiegħed provvista ta’ 10,000 vaċċin fil-ġimgħa, il-miri mħabbra mill-Ministeru għas-Saħħa għal dak li għandu x’jaqsam mat-tilqim huma diżappuntanti għall-aħħar.

Il-MAM qalet li sa issa, madwar wieħed minn kull għaxar frontliners ingħata l-ewwel doża tal-vaċċin u hu fatt magħruf li l-Gvern diġa’ għandu 19,000 vaċċin li jinsabu qiegħda fil-freezers. Bi programm ta’ tilqim organizzat kif suppost, il-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa jistgħu jingħataw iż-żewġ dożi fi żmien erba’ ġimgħat.

Barraminhekk, skont il-matematika tal-Ministeru tas-Saħħa, ikun hemm bżonn tliet snin biex titlaqqam il-popolazzjoni kollha jekk il-Gvern se jimxi mal-mira tiegħu ta’ 5,000 tilqima fil-ġimgħa.

Fl-istqarrija, il-MAM ippubblikat il-kalkoli tagħha.

Biex jitlaqqmu 6,000 frontliners b’żewġ dożi fi żmien 5 ġimgħat, il-Gvern irid jagħti 2,394 tilqima fil-ġimgħa, inkluż Ħdud u festi pubbliċi.

Biex tlaqqam il-popolazzjoni kollha ta’ Malta – nofs miljun persuna u tnaqqas it-tfal – b’żewġ dożi fi żmien ħames xhur, il-Gvern irid ilaqqam 5,333 persuna kuljum, jew 37,331 tilqim fil-ġimgħa. 70% ta’ dan – li hi l-perċentwal tal-popolazzjoni mlaqqma li twassal għal herd immunity, il-Gvern irid jagħmel 3,733 tilqima kuljum jew 26,131 tilqima fil-ġimgħa.

Numri ferm ‘il bogħod mill-5,000 fil-ġimgħa li qed jipproponi l-Gvern. Għaldaqstant, il-MAM qed tħeġġeġ biex ikun hemm programm ta’ tilqim iktar intensiv minn dak propost.