Lokali

Il-vaċċin mhux buttuna li jeħodna lura għall-2019 – David Xuereb

“Għalija huwa riskju kbir jekk naħsbu li ser immorru lura għall-ekonomija tal-2019 b’forma ta’ ‘cut u paste’ “

Sostna dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb meta kien intervistat fuq ix-Xandir tal-Istat fejn filwaqt li spjega li hija xi ħaġa ferm tajba li l-vaċċin kontra l-Covid-19 beda jitqassam f’pajjiżna, hu qed ibassar li l-effetti tal-pandemija fuq l-ekonomija tal-pajjiż ser nibqgħu nħossuhom għal sentejn oħra.

David Xuereb insista li l-vaċċin mhux buttuna li tagħfasha u treġġa lura l-arloġġ b’sena, iżda għad irridu naraw l-effetti gradwali fuq l-ekonomija, inkluż il-fiducja fost il-konsumaturi, il-profitti, il-cashflow u t-talba tal-kummerċ internazzjonali.

Huwa stqarr li filwaqt li jittama f’normalità ġdida, idealment xorta ghandna nkunu kawti.

Dan id-diskors jikkuntrasta l-kliem li lissen il-Prim Ministru Robert Abela li sostna li fi 3 xhur oħra pajjiżna ser jibda jirranka sew sabiex f’Mejju l-gżejjer Maltin jirritornaw għal “business as usual”.

Madanakollu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ saħaq li din il-pandemija ġabet lill-Maltin u l-Għawdxin konxji tar-realtà ekonomika tagħna – fuq kemm verament l-ekonomija tal-pajjiż hija dipendenti fuq it-turiżmu.

Għaldaqstant huwa appella sabiex jinħoloq pjan strateġiku bil-għan li Malta tiġbed lejha turiżmu ta’ kwalità u mhux ta’ kwantità ….filwaqt li sejjah ukoll għal mudell ekonomiku ġdid.