Hekk kif dejjem qed joqrob jum l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-President-elett Joe Biden, il-President uxxenti Donald Trump għadu għaddej b’diversi sforzi sabiex jipprova jdawwar ir-riżultat elettorali tat-3 ta’ Novembru li għadda.
Il-gazzetta Washington Post kisbet recording ta’ telefonata ta’ madwar siegħa li matulha Trump ipprova jpoġġi pressjoni fuq Brad Raffensberger, is-Segretarju tal-iStat f’Georgia li hu responsabbli mill-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet fl-iStat.
F’din it-telefonata, Trump instema’ jgħid lil Raffensberger, “sibli 11,780 vot” li hu l-ammont ta’ voti meħtieġa biex idawwar ir-riżultat favur tiegħu. Georgia kien wieħed mill-iStati tradizzjonalment ixaqilbu lejn il-Partit Repubblikan li ntrebħu minn Joe Biden. L-għadd tal-voti sar għal darba darbtejn u r-rebħa ta’ Biden kienet konfermata filwaqt li l-Qrati ċaħdu r-rikorsi kollha tat-tim legali ta’ Trump għaliex kienu mingħajr bażi.
F’ħin minnhom, Trump instema’ saħansitra jhedded lil Raffensberger u l-avukat tiegħu Ryan Germany li qed jissograw kawża kriminali. Minkejja din il-pressjoni, Raffensberger baqa’ jinsisti li l-elezzjoni f’Georgia kienet regolari u l-allegazzjonijiet kollha ta’ frodi mill-kamp tal-President uxxenti ma jirriżultawx.
F’dawn l-aħħar jiem, Raffensberger u politiċi Repubblikani oħrajn li qagħdu pass lura milli jappoġġjaw l-isforzi ta’ Donald Trump, kienu fil-mira ta’ tgħajjir u saħansitra theddid minn sostenituri ta’ Trump.
Esperti legali u kostituzzjonali Amerikani qalu li dan hu aġir bla preċedent minn President b’uħud isostnu li Donald Trump kiser il-liġi u l-kostituzzjoni b’din il-pressjoni fuq uffiċjal elettorali.
Dawn il-jiem huma kruċjali għall-proċess ta’ transizzjoni tal-poter fl-Istati Uniti hekk kif l-Erbgħa, il-Kungress Amerikan se jiltaqa’ biex jiċċertifika ir-riżultat elettorali fejn numru ta’ rappreżentanti Repubblikani li qed jgħidu li se jikkontestaw ir-riżultat.
Sadanittant, għada f’Georgia se jsiru l-elezzjonijiet għaż-żewġ siġġijiet fis-senat li se jiddeterminaw liema partit se jkollu maġġoranza. Jekk id-Demokratiċi ma jirbħux dawn iż-żewġ siġġijiet, l-ewwel sentejn tal-Presidenza Biden ikun iktar iebsin b’Senat b’maġġoranza Repubblikana.
//= $special ?>