Edukazzjoni Lokali

Kors sħiħ ifalli eżami wara li xi studenti nqabdu jikkuppjaw

“Mal-ħażin ma jistax jeħel it-tajjeb” – SDM

Huwa dmir ta’ kull student li jsegwi kull regola imposta mill-Università ta’ Malta, b’mod speċjali ma’ dawk marbuta ma’ online tests u eżamijiet. Aħna nikkundannaw kull forma ta’ kkuppjar.

Sostnew dan kelliema għall-għaqda tal-Istudenti Demokristjani Maltin, SDM, wara li ġie mħabbar li studenti fil-Fakultà tal-BCOM ser ikunu qed ifallu l-eżamijiet tagħhom wara li ġiet żvelata konfoffa ta’ studenti fejn kienu qed jikkuppjaw.

Kelliema għall-SDM saħqu li l-eżamijiet online, kif ukoll dawk li jsiru mid-dar tfasslu sabiex tiġi salvagwardata saħħet l-istudenti u l-edukaturi. Madanakollu saħqu li għandhom jiġu mħarsa wkoll l-istudenti l-oħra li ma kellhom x’jaqsmu bl-ebda mod ma’ dan l-iskandlu li feġġ fl-Università.

Dan hekk kif ġie deċiż li kull student fl-ewwel sena f’dan il-kors li poġġa għal dan l-eżami, ma jgħaddix u għaldaqstant tonqoslu l-marka medja.

Dan kollu wara li l-Fakultà ġiet fil-pussess ta’ 43 screenshot minn fuq chat ta’ Facebook Messenger u għaldaqstant ġie deċiż li kull student jingħata 0, bil-possibilità li jerġgħu jpoġġu għall-eżami tal-Quantitative Analysis for Business – eżami meqjus minn bosta bħala wieħed diffiċli meta kkumparat ma’ oħrajn.

Kelliema għall-SDM komplew li jekk hemm xi studenti li għandhom xi mistoqsijiet dwar il-każ għandhom jikkuntattjawhom fuq il-paġna ta’ Facebook jew jibgħatu e-mail hawn.