Formula 1 Sport

Possibilità li l-ftuħ tal-Formula 1 fl-Awstralja jiġi pospost

Il-Grand Prix fl-Awstralja huwa mistenni li jiftaħ l-istaġun tal-2021 tal-Formula 1 fil-21 ta’ Marzu, iżda minħabba r-restrizzjonijiet stretti li qed jiġu imposti f’Melbourne, qiegħda tikber il-possibilità li t-tellieqa fl-Awstralja tiġi posposta. Dan ifisser li l-ewwel tellieqa tkun fil-Bahrain fit-28 ta’ Marzu, u dik tal-Awstralja ssir iżjed tard fis-sena.

Il-Grand Prix fl-Awstralja kienet diġa kkanċellata fl-istaġun li għadda minħabba l-pandemija tal-coronavirus, u Albert Park kien mistenni jospita l-ftuħ ta’ staġun b’rekord ta’ tlielaq, dak ta’ 23 trakka.

Melbourne mistennija tospita l-ewwel avveniment internazzjonali wara kważi sena fi Frar li ġej permezz tal-Open tat-tennis, u l-gvern ta’ Victoria imposta kwarantina mandatorja ta’ 14-il ġurnata għal dawk kollha li se jiġu fil-pajjiż. Dawn l-istess restrizzjoni mistennija jkunu wkoll għal Formula 1, u għalhekk tagħmilha diffiċli li din it-tellieqa ssir.