Internazzjonali

RENJU UNIT: Boris Johnson iħabbar lockdown Nazzjonali

(Ritratt: EPA)
"Il-ġimgħat li ġejjin se jkunu l-agħar s'issa"

Permezz ta’ diskors li għamel lin-Nazzjon, il-Prim Ministru Ingliz Boris Johnson ħabbar lockdown Nazzjonali.

Johnson ħeġġeġ lin-Nazzjon sabiex joqgħod id-dar mill-lejla.

Filwaqt li esprima t-tama li fi ftit taż-żmien ieħor, kulħadd ikun jista jmur lura għal xi tip ta’ normalità, Johnson qal li sfortunatament iċ-ċirkostanzi bħalissa jitolbu li jerġgħu jidħlu restrizzjonijiet akbar sabiex titrażżan l-imxija tal-virus fil-pajjiż.

Dan il-lockdown qed jitħabbar hekk kif il-varjant il-ġdid tal-Covid reġa għamel straġi fir-Renju Unit. Fl-aħħar ġimgħa biss, kienet rreġistrata żieda ta’ 20% f’imwiet.

Il-Prim Ministru Brittaniku qal li dan il-lockdown huwa essenzjali jekk dan il-virus irid jitrażżan.

Huwa qal li persuna jista’ joħroġ biss għall-bżonnijiet.

L-iskejjel kollha intalbu jerġgħu imorru lura għal tgħalim online. Anke l-eżamijiet tħassru għal din is-sena.

Johnson qal li din id-deċiżjoni ma tteħditx mingħajr ħsieb, iżda saħaq li l-iskejjel jistgħu ikunu problematiċi jekk jibda’ jinfirex il-virus fihom.

Huwa qal ukoll li jekk il-virus ma jitrażżanx, is-sistema tas-saħħa Ingliża tikkollassa fi żmien tliet ġimgħat.

Il-Prim Ministru Ingliż qal li qed jittama li sa nofs Frar dawk kollha ‘l fuq minn 70 sena, l-anzjani kollha fir-residenzi u l-ħaddiema tagħhom, il-ħaddiema tas-saħħa u frontliners, u dawk kollha meqjusa vulnerabbli jkunu ngħataw il-vaċċin.

Johnson qal li jekk kollox imur kif pjanat u l-vaċċin jibda’ jaħdem, jispera li aktar tard fi Frar jerġgħu jiftħu l-iskejjel u jerġgħu jibdew ikunu rrilassati r-restrizzjonijiet.

Il-liġi għal dan il-lockdown x’aktarx tgħaddi nhar l-Erbgħa.