Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Skiet perikoluż u li jtarrax dwar id-dħul lura fl-iskejjel” – UPE

Il-Union tal-Edukaturi Professjonali – il-UPE esprimiet it-tħassib tagħha għas-silenzju assolut dwar id-dħul lura lejn l-iskejjel, wara dak li seħħ f’pajjiżna tul il-perjodu tal-festi li għadu kemm għadda.

Il-Union qed tgħid li ħafna mill-membri tagħha jinsabu nkwetati għall-fatt li l-bidu tal-iskola se jaħbat eżatt mal-perjodu li fih jibdew jitfaċċaw sintomi tal-virus fuq min ikun ġie infettat waqt il-festi. Il-UPE qalet li dawn is-sintomi jistgħu faċilment jiġu injorati fil-bidu, b’riżultat li jkun hemm firxiet ġodda tal-virus fl-iskejjel.

Il-UPE qalet  li tinsab imħassba bis-skiet minn naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u hija ddiżappuntata għan nuqqas ta’ konsultazzjoni li kien hemm mal-union f’dawn il-ġranet, hekk kif fi ftit jiem, pesuni li setgħu ħadu riskji waqt il-festi, se jkunu qegħdin fil-klassijiet u fl-iskejjel tagħna.

Fl-istqarrija tagħha. l-union regġħet appellat biex il-Gvern imur għal dħul lura fil-klassijiet ta’ gruppi żgħar tat-tfal, filwaqt li oħrajn ikollhom l-opportunità li jsegwu l-lezzjonijet online.

Dan bħala mezz ta’ mitigazzjoni kontra firxa tal-virus li tista’ twassal għal spike ġdida ta’ każi fil-jiem li ġejjin.