Sid ta’ bar fil-Gudja ntuża’ għal skopijiet partiġġjani mill-media tal-Partit Laburista u fi 48 siegħa tħalla waħdu għalkemm qed jipprova jiġbed l-attenzjoni għall-mod kif ġie kkwotat.
Stephen Tedesco ta kumment lill-ġurnalista tal-media Laburista dwar it-tħassib tiegħu u tas-sidien ta’ bars u każini oħrajn li, minħabba li l-Gvern għalaq l-istabbilimenti, qed jitilfu ħafna flus, speċjalment minħabba stock li qed jispiċċa jiskadilhom.
Kien b’dan il-ħsieb li qal li, almenu, l-għajnuna finanzjarja mwegħda mill-Prim Ministru għas-sidien tal-bars u l-każini, tista’ tittaffielhom ftit mill-piż.
Iżda għal skopijiet purament partiġġjani…kif spjegalna hu stess… il-media Laburista qatgħet il-kumment ta’ Tedesco b’tali mod li faħħar biss il-wegħda li Robert Abela għamel fuq il-Facebook – wegħda li s’issa ħadd għadu ma jaf xejn kif se titħaddem, ħlief li l-Gvern se jqassam miljun ewro bejn il-ħwienet kollha li s’issa għadhom qed jinżammu magħluqa.
Dan ifisser li mal-bars u l-każini mhux mistennija jkunu nklużi l-isnack bars u l-gabbani, minkejja li anke huma ntlaqtu ħażin għax ma jistgħux ibigħu prodotti alkoħoliċi. Barra minhekk, uħud qed jikkalkulaw li l-miljun ewro bejn il-bars u l-każini kollha tfisser biss madwar 300 ewro kull wieħed … anke jekk se jkunu ilhom miżmuma magħluqin għal aktar minn xahrejn, fosthom fil-perjodu tal-Festi tal-Milied.
Il-mod partiġġjan kif il-media Laburista qatgħet il-kumment ta’ sid il-bar fil-Gudja wassal biex diversi persuni kkritikawh u saħansitra ħasbu li għandu xi privileġġ għax hu xi bażużlu.
Iżda ma’ NET News, Stephen Tedesco spjega li ma setax jaċċetta li l-kumment tiegħu tgerrem b’dak il-mod partiġġjan. Dan filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu jekk hu stess hux se jibbenefika mill-wegħda li għamel il-Prim Ministru, ladarba xogħolu fil-bar hu part-time u mhux is-sors finanzjarju ewlieni tiegħu.
Sadanittant, is-sid tal-bar qal li pprova jagħmel kuntatt mal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-media Laburista biex jitlob spjegazzjoni. Madankollu, wara 48 siegħa minn meta xxandar il-filmat, għadu ma ngħatax xi forma ta’ sodisfazzjon.
//= $special ?>