Internazzjonali Saħħa

Tibda tingħata t-tilqima tal-AstraZeneca

Fir-Renju Unit ingħata bidu għas-sessjonijiet ta’ tilqim kontra l-Covid-19 – din id-darba bil-vaċċin tal-Università ta’ Oxford u AstraZeneca.

It-tqassim ta’ dawn l-ewwel dożi ġie deskritt minn bosta bħala mument kruċjali fil-battalja kontra l-pandemija. Brian Pinker, kien l-ewwel persuna fil-pajjiż li rċieva din it-tilqima fl-Isptar tal-Università ta’ Oxford.

Ir-raġel ta’ 82 sena spjega li l-fatt li rċieva dan il-vaċċin għandu tama mill-ġdid li jista’ jħabbat wiċċu ma’ kull ostaklu, bil-libertà mill-ġdid fl-orizzont.

Mit-Tnejn, 4 ta’ Jannar, fir-Renju Unit ser ikun hemm disponibbli man-nofs miljun vaċċin tal-AstraZeneca.

Din it-tilqima, bħal dik ta’ Pfizer/BioNTech, għandha bżonn żewġ dożi sabiex tkun effettiva – bit-tieni waħda tingħata 12-il ġimgħa wara. Madanakollu, bid-differenza ta’ dan il-vaċċin, it-tilqima tal-AstraZeneca tista titkessaħ f’sempliċi fridge u għaldaqstant kapaċi tingħata wkoll mingħand it-tabib tal-familja, b’inqas problemi ta’ trasport u konservazzjoni.

Intant, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini għadha qed tinvestiga u teżamina lil dan il-vaċċin sabiex sussegwentament aktar tard fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tapprovaha bil-għan li tkun tista’ titqassam fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea – inkluż Malta.