Internazzjonali

Covid-19: L-Ingilterra mill-ġdid fi stat ta’ lockdown wara azzjoni ‘deċiżiva’ ta’ Boris Johnson

Kelliema għall-Gvern tar-Renju Unit qalu li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, ħa azzjoni ‘deċiżiva’ bil-konferma li l-Ingilterra tinsab mill-ġdid taħt lockdown, fost il-kriżi tal-Covid-19.

Il-lockdown ġdid kellu jsir fid-dawl ta’ informazzjoni ġdida provduta mill-esperti mediċi, u meta n-nies iridu jibqgħu d-dar – ħlief għal raġunijiet speċjali. Fl-istess ħin, l-iskejjel fl-Ingilterra se jibqgħu magħluqin għall-maġġoranza tal-istudenti.

Il-Kanċillier tal-Finanzi, Rishi Sunak, qal li l-azzjoni bilfors li kellha tqanqal sens ta’ dispjaċir iżda hu sewwa li l-awtoritajiet jieħdu dawn il-miżuri fil-konfront tal-virus qattiel. Intant, il-miżuri fl-Ingilterra se jgħaddu minn reviżjoni fil-15 ta’ Frar.

Fl-aħħar sigħat, l-uffiċjali mediċi ewlenin fir-Renju Unit irrakkmandaw biex il-livell tat-theddida mill-Covid-19 jiżdied għal ‘ħamsa’, li hu l-ogħla livell f’din is-sitwazzjoni.

Intant, Boris Johnson qal li l-programmi tat-tilqim – sa nofs Frar — għall-erba’ gruppi ta’ ċittadini li ħaqqhom jingħataw l-ogħla priorità kapaċi jwasslu, ‘il quddiem, għal tnaqqis fir-restrizzjonijiet. Madankollu, il-Ministru tal-Kabinett Michael Gove qal lil Sky News li dawn il-miżuri kapaċi jibqgħu fis-seħħ anki sa Marzu.

Ir-restrizzjonijiet ġodda tal-lockdown qed ikunu implimentati wkoll fl-Iskozja u fejn ir-regoli se jgħaddu minn reviżjoni ‘il quddiem dan ix-xahar.

Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, qalet li s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżha huma impenjati biex ilaqqmu lin-nies kollha ta’ ‘il fuq minn 50 sena, flimkien ma nies aktar żgħażagħ bi problemi tas-saħħa partikulari, sal-bidu ta’ Mejju.

Sadanittant, l-iskejjel u l-kulleġġi f’Wales – li ilu taħt lockdown nazzjonali mill-20 ta’ Diċembru – sse jibqgħu magħluqin sat-18 ta’ Jannar għall-parti kbira tal-istudenti.

Ir-Renju Unit irrapporta rekord ta’ 58,784 każi ġodda tal-Covid-19 għall-jum tat-Tnejn biss. Dan fost rapporti dwar 407 mewta ġdida fi żmien 28 ġurnata mindu l-vittmi kienu ħarġu pożittivi mit-testijiet.

Fi żvilupp ieħor, il-Kanċillier Sunak ħabbar li numru ta’ negozji, b’mod partikulari dawk fis-setturi tad-divertiment u l-ospitalità, se jingħataw għotja flus (grant) ta’ darba ekwivalenti għal ftit aktar minn 10,000 ewro – b’din il-miżura se tiswa madwar erba’ biljun lira Sterlina lir-Renju Unit.

Sadanaittant, fl-Ewropa għaddejja polemika dwar ir-ritmu tat-tilqim għal kontra l-coronavirus.

Filwaqt li l-Istati Uniti u r-Renju Unit għandhom vantaġġ sostanzjali fuq l-Istati-membri tal-Unjoni fl-aspett ta’ persuni mlaqqmin, l-aktar pajjiż avvanzat f’dan ir-rigward, bla dubju, hu Iżrael, li laqqam ‘il fuq minn għaxra fil-mija tal-popolazzjoni ta’ disa’ miljuni.

Ir-raġunijiet għad-dawmien fil-programmi tat-tilqim fl-Ewropa qed ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Intant, il-Kummissjoni Ewropea – li qed taġixxi għas-27 Stati membri – ikkonkludiet ordnijiet għal żewġ biljun doża tal-vaċċin li suppost jagħmlu tajjeb għal ‘erba darbiet id-daqs tal-popolazzjoni sħiħa tal-Unjoni Ewropea.’