Lokali

Direttur ġdid għal Aġenzija Appoġġ

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) għandha l-pjaċir tħabbar li Graziella Castillo ġiet magħżula bħala d-Direttur l-ġdid tal-Aġenzija Appoġġ.

Castillo se tieħu post Remenda Grech li issa se tikkonċentra l-ħidma tagħha fuq Direttorat għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħżagħ). L-għażla ta’ Castillo saret wara sejħa għall-applikazzjonijiet u proċess tal-għażla li tmexxa minn kumpanija esterna b’esperjenza vasta filqasam tar-reklutaġġ strateġiku fis-settur privat.

Graziella Castillo bdiet taħdem ġewwa l-Aġenzija Appoġġ hekk kif gradwat mill-Università ta’ Malta fl-2000 bħala Social Worker. Bħalissa qegħda fl-aħħar sena fil-kors tal-Masters fil-Youth and Community Studies ukoll ġewwa l-Università ta’ Malta.

Matul dawn l-20 sena Graziella Castillo ħadmet f’ diversi servizzi tal-Aġenzija Appoġġ, fejn matul l-aħħar sena serviet ukoll bħala l-Assistent Direttur waqt il-fażi delikata tat-transizzjoni ta’ servizzi li issa jaqgħu taħt id-Direttorat għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħżagħ). Hija kienet wkoll responsabbli minn servizzi nazzjonali bħalma huma l-linji 179 u 1772, kif ukoll l-inizjattivi nazzjonali għal internet aktar sikur il-Be Smart Online u Child Web Alert.

F’ dan il-kuntest, Castillo rrappreżentat lill-FSWS u ’l Malta f’ bosta konferenzi u laqgħat barra minn pajjiżna marbuta ma’ din il-ħidma li hija kkordinata direttament mill-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt, f’wieħed mir-rapporti regolari tagħha dwar il-Be Smart Online, il-Kummissjoni rrimarkat li Malta mhux talli laħqet il-miri stabbiliti imma eċċediet dak li kien mistenni li jsir f’termini ta’ servizz u għajnuna. Castillo kienet ukoll strumentali fl-introduzzjoni ta’ servizz ġdid għal żgħażagħ għaddejjin minn diffikultajiet.

Dan is-servizz magħruf bħala l-Adolescent Day Programme (ADP) tant kien suċċess li saħansitra ġie rikonoxxut u akkreditat mill-awtorijiet edukattivi u anki biex immexxi lokalment l-Achieve Programme taħt l-awspiċi
tal-Prince’s Trust Foundation.