Lokali Parlament

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu li r-rapport dwar abbuż ta’ poter minn Joseph Muscat ikun addottat

Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qabel li jaddotta r-rapport tal- Kummissarju għall-Istandards George Hyzler dwar abbuż ta’ poter mill-ex Prim Ministru Joseph Muscat li appunta lill-ex Ministru Konrad Mizzi bħala konsulent mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu wara li dan kien diġà irriżenja minn ministru. L-ilment quddiem il-Kummissarju għall-Istandards kien tressaq minn Carmel Cacopardo

Fis-seduta ta’ dalgħodu l-Kumitat iddiskuta jekk għandux ikun hemm sanzjoni fil-konfront tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Kumitat għandu jitlob lil Joseph Muscat li jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu qabel jittieħdu d-deċiżjoni. Hu ppropona wkoll li r-rapport ikun adottatt mill-Kumitat fit-totalità tiegħu iżda l-Ministru Byron Camilleri maqabil għaliex sostna li Joseph Muscat illum m’għadux membru tal-parlament.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-uniku persuna indagata kienet l-ex Prim MinistruJoseph Muscat, li llum m’għadux deputat. Dan ir-rapport għandu jservi ta’ gwida biex ċertu sitwazzjonijiet jiġu evitati, sostna l-Ministru Zammit Lewis, li appella biex il-Kumitat ma jintilifx f’dan ir-rapport partikolari għaliex għandu ħafna xogħol x’jagħmel.

L-ex Prim Ministru Muscat kien diġà qal li ma kienx qed jaqbel mas-sottmissjonijiet tal-Kummissarju għall-Istandards. Hu ppropona li r-rapport ikun adottat mhux fil-konfront tal-ex Prim Ministru Muscat u l-kwistjoni tkun magħluqa fl-interess ta’ iktar etika. Il-Ministru Zammit Lewis qal li ma tistax tkun
imposta sanzjoni minħabba li Muscat m’għadux deputat.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-ex Prim Ministru għandu dritt li jwieġeb għar-rapport li sar fuqu għalkemm dan ir-rapport mhux intiż għal investigazzjoni ulterjuri. Hu sostna li l-Kumitat m’għandux iċaħħad id-dritt ta’ Joseph Muscat milli jwieġeb biex ma jinħoloqx preċedent għaliex wara kollox ir- rapport mill-Kummissarju għall-Istandards beda meta Joseph Muscat kien għadu deputat.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Kummissarju għall-Istandards kieniddikjara li hemm ħafna x’jista jsir fl-konfront ta’ persuna li m’għadux deputat u ta eżempju ta’ każi li seħħew fil-parlament Ingliż.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna li fl-każ ta’ deputati, l-Att jispeċifika li deputat jista’ joffri apoloġija u qal li l-każ hu sfortunat għaliex ir-rapport mill- Kummissarju għall-Istandards daħal wara li Joseph Muscat kien irriżenja minn deputat. Dan iwassal għal sitwazzjoni diffiċli.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li, anki skont il-Kummissarju għall- Istandards, il-liġi ma teskludix deputati jew ex deputati. Għalhekk il-Kumitat għandu jadotta r-rapport kif inhu waqt li Muscat jingħata l-opportunità li jispjega lilu nnifsu fil-Kumitat. Dwar is-sanzjoni, hu qal li din hi kwistjoni oħra li dwarha jista’ jagħti ruling l-Ispeaker. Il-liġi tispeċifika li meta jkun dikjarat li hemm ksur ta’ etika, kif seħħ f’dan il-każ, il-persuna trid bilfors tingħata l-opportunità li tagħmel sottomissjoni.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li m’għandux diffikultà li Joseph Muscat jagħti s- sottomissjoni tiegħu. Hu spjega li f’dan il-każ ma ttieħdux flus u qal li Muscat kien irriżenja għall-ħabta tas-7 pm u r-rapport sar pubbliku madwar 20 minuta wara.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li s-sanzjonjiet m’humiex applikabbli għaliex Joseph Muscat m’għadux deputat u sostna li l-kumitat jista’ jieħu sanzjonijiet biss fil-konfront tal-persuni li huma mniżżla fil-liġi; Joseph Muscat illum ma jaqax fil- kategorija ta’ dawn il-persuni.

Il-kumitat ma qabilx dwar is-sanzjonijiet bl-Oppożizzjoni tressaq mozzjoni għal sottomissjoni mingħand Joseph Muscat u biex jittieħed vot waqt li d-deċiżjoni tittieħed wara s-sottomissjoni.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-liġi tispeċifika li l-kumitat jista’ jiċħad ir-
rapport, jagħmel iktar investigazzjonijiet u jisma’ iktar provi. Hu qal li m’hemmx lok ta’ iktar investigazzjonijiet u għalhekk il-kumitat irid jddeċiedi li jadotta r- rapport.

L-Oppożizzjoni vvutat favur li r-rapport ikun adottat.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern jaqbel li r-rapport ikun adottat iżda jinsisti li, l-applikabbiltà ta’ sanzjonijiet skont il-liġi, ma tapplikax għall-ex Prim Ministru Joseph Muscat minħabba li mhux deputat. Il-Kumitat qabel li l-Kummissarju għall- Istandards ikun informat b’din id-deċiżjoni, li għandu d-dritt li jibgħat ir-rapport lill-Ispeaker u jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.