Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Ġustizzja ffaċċjat b’mistoqsijiet dwar l-inkjesta fuq il-Bank Pilatus

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ppreżenta numru ta’ mistoqsijiet parlamentari lill-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis dwar il-konklużjoni tal-Inkjesta Maġisterjal fuq il-Bank Pilatus.

Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja jikkonferma li fix-xahar ta’ Diċembru 2020 l-Avukat Ġenerali rċeviet il-proces verbal mill-Maġistrat Inkwirenti dwar l-Inkjesta Maġisterjali fuq il-Bank Pilatus; liema Inkjesta kienet inbdiet fl-2018.

Jason Azzopardi staqsa wkoll lill-Ministru tal-Ġustizzja jistax jikkonferma li l-Maġistrat Inkwirenti rrakkomanda li jittieħdu passi kriminali għal hasil ta’ flus kontra l-Bank imsemmi, passi kriminali għal ħasil ta’ flus kontra s-sidien tal-Bank u passi kriminali fuq ħasil ta’ flus kontra d-Diretturi tal-Bank u kontra l-Money Laundering Reporting Officer.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qed ikun mistoqsi wkoll biex jispeċifika li l-Maġistrat Inkwerenti rrakkomanda li jigi investigat l-operat tal-FIAU u tal-MFSA għal possibbli ksur ta’ liġi fl-għoti tal-liċenzja lill-Bank Pilatus u komplicita kriminali għal ħabi ta’ ksur tal-liġi kriminali min-naħa tal-Bank Pilatus.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qed ikun mistoqsi wkoll ijispeċifika għaliex il-Gvern għadu m’għamel xejn biex jitlob l-estradizzjoni lejn Malta ta’ dawk kollha indikati mill-Maġistrat Inkwirenti li għandhom jitressqu l-Qorti fuq ħasil ta’ flus.

Hu mistenni li t-tweġbiet għal dawn il-mistoqsijiet jingħataw fl-ewwel seduti tal-parlament li se jerġa’ jiltaqa’ wara l-vaganzi tal-Milied nhar it-Tnejn li ġej 11 ta’ Jannar 2020.