Coronavirus Lokali Saħħa

“Il-Prim Ministru għandu jieqaf jgħaddi n-nies biż-żmien dwar saħħithom” – PN

“Għaliex Robert Abela maqtugħ mir-realta’ għandu jieqaf jgħaddi n-nies biż-żmien dwar saħħithom meta jispara miri dwar il-vaċċin li jidher ċar li ma jistgħux jintlaħqu.”  Dan ġie kkonfermat f’laqgħa li l-COVID Action Team immexxi mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu dalgħodu mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u li fiha ġie diskuss l-istat attwali tal-programm ta’ vaċċinazzjoni li għaddej bħalissa.

Dak li qal il-Ministru tas-Saħħa llum li l-immunità f’pajjiżna mistennija tintlaħaq lejn l-aħħar tas-sajf għal kollox jikkontradixxi l-miri tal-Prim Ministru li jrid imur back to business as usual qabel Mejju li ġej u pajjiżna jista’ jibda jħares lejn normalita’. Matul il-laqgħa ġie kkonfermat kif ir-rata attwali ta’ vaċċinazzjoni hija waħda baxxa ħafna.  Biex tintlaħaq il-mira li ilu jirrepeti l-Prim Ministru li sa’ Mejju jkollna normalita’, jridu jingħataw aktar minn 5,000 vaċċin kuljum meta sal-lum qed jingħataw madwar 50 biss.

Il-Gvern għandu jkun aktar effiċjenti fl-għoti tal-vaccin f’dan il-programm nazzjonali ta’ tilqim kontra l-COVID-19. Ħajjet in-nies mhix logħba u l-Prim Ministru għandu jieqaf jgħaddi n-nies biż-żmien dwar saħħithom. Dan wara li ma tgħallem xejn mill-kriżi li ħoloq fis-sajf meta qallhom li l-mewġ qiegħed fil-baħar u issa qed jerġa’ jagħmel l-istess billi jfajjar miri li bir-rata ta’ vaċċinazzjoni li għaddejja bħalissa żgur li mhux jintlaħqu.

Is-saħħa pubblika teħtieġ poltiċi maturi li ma jidħqux bin-nies u l-Partit Nazzjonalista jkompli jappella sabiex isir dak kollu meħtieġ biex il-miri jintlaħqu bil-fatti. Fl-istess ħin il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella lill-poplu li bi gwida infurmata tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, jibqa’ jobdi l-pariri u d-direttivi tagħhom biex nassiguraw il-kontroll ta’ din il-pandemija.