Lokali

“Il-wegħda tat-teleworking mhux miżmuma” – PN

“Fl-għajta tat-teleworking hemm diskrepanza sħiħa bejn dak li verament qed jiġri, għal dak li hemm miktub fuq il-karta jew li qed jgħidu ċertu esponenti ewlenin fit-tmexxija taċ-Ċivil.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, Clyde Puli u l-President Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN), Ivan Castillo f’isem il-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Ewroparlamentari Soċjalista Alfred Sant riċentament kiteb li f’numru ta’ dipartimenti tal-Gvern, it-teleworking ma baqax jiġi aċċettat u li l-ħaddiema kellhom jerġgħu jidħlu lura għax-xogħol mill-uffiċini tagħhom avolja għadna għaddejjin bil-pandemija bin-numru ta’ każi attivi reġgħu qed jiżdiedu.

Dan tikkonfermah ukoll l-SĦPN, wara li numru konsiderevoli ta’ impjegati taċ-Ċivil minn diversi dipartimenti fosthom mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tal-Fondi Ewropej, d-Dipartiment tal-Informazzjoni, l-Ministeru tal-Ġustizzja kif ukoll dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Finanzi kkonfermaw mal-fergħa li qed isibuha diffiċli sabiex japplikaw għat-teleworking kif kienu għamlu fl-aħħar xhur.

L-istqarija tkompli li dawn l-istess impjegati qalulna li t-teleworking qed japplika biss għal numru żgħir ta’ ħaddiema b’diversi diretturi jisħqu li dan hu biss vaganza għal dawk kollha li jinsabu jaħdmu bit-teleworking!, u dan kuntrarjament għal dak li qed jissuġġerixxu l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Kuntrarjament għal dan, il-Kap taċ-taċ-Ċivil qed jisħaq fil-pubbliku li l-politika tal-Gvern f’dan ir-rigward ma nbidlitx. Redikolu l-ftaħir ta’ elfejn ħaddiem bit-teleworking imqabbel mal-50,000 ħaddiema li hemm fiċ-Ċivil. Mhux ta’ b’xejn li l-ħaddiema taċ-Ċivil qed jistaqsu għaliex il-Gvern mhux veru jemmen fil-work life balance u qed jagħmililhom ferm diffiċli għal min jixtieq jaħdem bit-teleworking f’daż-żmien tal-pandemija?

L-SĦPN tfakkar li hemm numru konsiderevoli ta’ kumpaniji privati li qed jagħtu l-opportunita’ lill-impjegati tagħhom jaħdmu mid-dar. Dan jawgura’ tajjeb għal dawn il-ħaddiema speċjalment f’dan iż-żmien tal-pandemija. Fl-istess waqt ma nistgħux nifhmu kif dan l-istess prinċipju qed ikun diffiċli li jiġi applikat fost id-dipartimenti tal-Gvern.