Lokali

“Irridu nibqgħu kawti” – David Xuereb

“Il-vouchers għenu s-sena l-oħra… u se jgħinu wkoll dis-sena, żgur minn Jannar sa Marzu li wieħed normalment fir-ristoranti, wara l-festi, ma tkunx daqshekk komuni, iżda dawn il-vouchers se jgħinu. Vera għandna l-vouchers, imma importanti li nżommu d-distanzi bejnietna u nobdu r-regoli… Vera wkoll li għandna l-vouchers imma importanti li kull wieħed u waħda minnha jkun sigur, għax il-pandemija għadha Malta u sakemm kulħadd jieħu l-vaċċin din se tibqa’ magħna u dan irridu niftakruh il-ħin kollu”

Hekk stqarr il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb f’kummenti li ta lil Net News meta saqsejnih dwar l-idea tal-vouchers; li kienet oriġinarjament proposta tal-PN.

Mal-Perit Xuereb tkellimna dwar l-importanza li nibqghu nimxu mal-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa u li ma jkunx hemm messaġġi konfliġenti.

Il-pandemija għadha Malta u sakemm kulħadd jieħu l-vaċċin din se tibqa’ magħna u dan irridu niftakruh il-ħin kollu

David Xuereb spjega li hija xi ħaġa ferm tajba li l-vaċċin kontra l-Covid-19 beda jitqassam f’pajjiżna, iżda żgur mhux forsi li l-ekonomija mhux se tiġi lura bħal ma kienet fl-2019.

“Żgur li l-effett tal-pandemija huwa wieħed negattiv, u jekk xi ħadd qed jaħseb li ħa mmorru lejn is-sena 2019 naħseb li mhux qed inkunu realistiċi…”

Fl-istess waqt meta saqsejnih x’qed jistenna minn din is-sena, huwa qal li l-poplu Malti se juri kemm hu resiljenti…. u kif jista’ jdawwar dan il-perjodu f’opportunità.

“Bħala Maltin irridu naħsbu ftit fuq kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni… fir-realtà jekk verament kulħadd jaħseb kif nistgħu nagħmlu dan mill-aktar fis, kemm qabel u wara l-vaċċin, żgur mhux forsi inkunu nistgħu nagħmlu dik il-qabża ‘l quddiem.”

Intant tul konferenza tal-aħbarjiet dwar is-Suppliment tal-Pagi, tħabbar li negozji li s-sena li għaddiet tilfu l-Covid Wage Supplement wara li telqulhom xi impjegati b’mod volontarju… dan  se jkunu qed jirċevuh b’mod retroattiv minn Ottubru li għadda. Ġie mħabbar ukoll li dan il-Covid Wage Suppliment se jkun ekwivalenti ghal 40 miljun ewro fix-xahar.