Coronavirus Ekonomija Lokali

“Nispera li l-festi ma jkunux kaġun ta’ żieda allarmanti fil-każi” – Philip Fenech

“Nisperaw li l-festi ma jkunux kaġun ta’ żieda allarmanti fil-każi li jwasslu biex l-isforzi u s-sagrifiċċji li saru minn nies kollha inkluż dawk fin-negozju, jispiċċaw ikunu kollha għalxejn. Dan jista’ jwassal għal impatt qawwi fuq avvenimenti oħra li jistghu jwasslu għal profitti fi żmien li ġej.” – Hija din il-biżgħa tan-nies fin-negozju wara jiem ta’ festi li jistgħu iwasslu għal żieda fil-każi ta’ COVID-19 madwar Malta u Għawdex. Dwar dan tkellem il-Viċi President taċ-Chamber of SMEs Philip Fenech meta kien intervistat mill-ġurnalista Christine Amaira fil-programm NETLIVE. Hu saħaq li kulħadd għandu responbiltà nazzjonali, li jimxi mal-pariri tal-awtoritajiet biex b’hekk noħorġu minn dan iż-żmien diffiċli.

Philip Fenech saħaq li t-triq lura għan-normalità mhux se tkun fil-forma ta’ switch iżda jeħtieġ li kulħadd ikun kawt. Hu saħaq li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Gvern biex il-bars, każini u klabbs jingħataw kumpens għat-telf li qed jagħmlu waqt li jinsabu magħluqin minħabba r-restrizzjonijiet imposti. Jidher li l-Gvern qed jipjana li jaqsam miljun ewro bejn madwar 800 bar, każin u klabb bħala mezz ta’ rkupru. Philip Fenech saħaq li din il-figura mhux biżżejjed.

Il-Viċi President taċ-Chamber spjega kif f’pajjiżna hawn madwar 800 stabbiliment ta’ dan it-tip li jinsab magħluq, stabbilimenti ta’ daqs differenti b’ammont konsiderevoli ta’ impjegati. U għalhekk qed issir diskussjoni biex kulħadd jiġi kkumpensat skont id-daqs u l-ammont ta’ ħaddiema. Fenech saħaq li għalkemm kull għajnuna tgħin, mhux se tkun biżżejjed.

Tul din l-intervista, Philip Fenech tkellem ukoll dwar kif marru n-negozji tul ż-żmien tal-festi fejn saħaq li meta tħares lejn ir-ristoranti, il-bookings inġenerali kienu tajbin, pero d-daqqa li ħalla in-nuqqas ta’ turiżmu inħasset sew. Jidher li għan-negozji ta’ Outside Catering u take-aways dan kien żmien pożittiv meta kkumparat max-xhur ta’ qabel. Dan filwaqt li kien hemm rapporti pożittivi mil-lukandi hekk kif numru ta’ Maltin għażlu li jqattgħu xi jiem minn żmien il-festi hemmhekk.