Internazzjonali

Pajjiżi tal-Golf jirrikonċiljaw mal-Qatar

Il-mexxejja tal-Istati tal-Golf irrikonċiljaw mal-Qatar wara li kienu imponewlu embargo li dam effettiv għal dawn l-aħħar tliet snin. Ir-rikonċiljazzjoni seħħet waqt summit għal dawn il-pajjiżi fl-inħawi ta’ al-Ula fl-Arabja Sawdija

Matul il-lejl tat-Tnejn, l-Arabja Sawdija reġgħet fetħet il-fruntieri tagħha mal-Qatar f’ġest simboliku qabel l-‘iffirmar ta’ ftehim bilaterali’ fis-sigħat sussegwenti.

Qabel dan, l-Emir tal-Qatar, Tamim Al Thani, intlaqa’ mill-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman, mal-wasla tiegħu f’al-Ula.

L-iżviluppi huma kuntrast qawwi għas-sitwazzjoni, tliet snin ilu, meta l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Bahrain u l-Eġittu kienu waqqfu r-relazzjonijiet mal-Qatar waqt li allegaw li dan il-pajjiż kien sostenitur u sponsor tat-terroriżmu.

Il-Qatar – sinjur fir-riżorsi tal-gass – ċaħad l-akkuża u, waqt il-bidu tal-kriżi, kien irrifjuta lista ta’ domandi mill-Istati ġirien.

Dan meta l-Istati ġirien kienu insistew li l-Qatar inaqqas il-livell tar-rabtiet diplomatiċi mal-Iran filwaqt li ‘jagħlaq’ in-network tal-media Al Jazeera li hu bbażat f’Doha.

Fl-aħħar xhur, l-Istati Uniti intensifikat il-pressjoni għal riżoluzzjoni tal-kwistjoni taħraq bejn il-pajjiżi tal-Golf, b’Washington jinsisti li l-għaqda fost l-istess pajjiżi hi neċessarja biex l-Iran ‘jibqa’ iżolat bħala sors ta’ periklu għar-reġjun kollu’.