L-elettorat fl-Istat ta’ Georgia fl-aħħar sigħat ivvota fi proċess li jiddeċiedi jekk il-President tal-Istati Uniti elett, Joe Biden, ikollux il-kontroll tas-Senat Amerikan fis-snin li ġejjin.
Il-proċess hu kruċjali għaliex f’każ li l-kandidati Demokratiċi jirbħu ż-żewġ elezzjonijiet, Joe Biden għandu jikseb kontroll assolut fuq il-Kungress sħiħ tal-Istati Uniti – fejn, imbagħad, ikun jista’ jimplimenta l-aġenda tiegħu mingħajr xkiel.
Għaldaqstant, dan il-vot hu importanti ħafna għaliex jiddeċiedi l-bilanċ tal-poter fis-Senat Amerikan.
Min-naħa tiegħu, Joe Biden qal li l-votanti f’Georgia jistgħu jibdlu l-futur tal-Istati Uniti filwaqt li l-President Amerikan, Donald Trump, wassal messaġġ li l-istess votanti ‘għandhom l-aħħar ċans biex isalvaw il-pajjiż li tant għandhom għal qalbhom’. Trump għadu qed jirrifjuta li jammetti uffiċjalment li tilef l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Is-senaturi Repubblikani Kelly Loeffler u David Perdue – li huma r-rappreżentanti ta’ Georgia fis-Senat – qed jikkuntestaw l-elezzjonijiet kontra l-isfidanti rispettivi Raphael Warnock (Reverendu) u Jobn Ossoff.
Ħadd minn dawn il-kandidati ma rnexxielu jikseb il-50 fil-mija tal-appoġġ meħtieġ għal rebħa ċara f’Georgia waqt l-elezzjonijiet ta’ Novembru għas-Senat. Għaldaqstant kien meħtieġ dan il-proċess ta’ ‘runoff’ taħt ir-regoli elettorali tal-Istat partikulari. Ir-Repubblikani, fil-preżent, jikkontrollaw 52 fost
il-100 siġġu tas-Senat u f’każ li l-kandidati Demokratiċi jirbħu f’Georgia, is-Senat jinqasam b’mod ugwali bejn il-partiti rivali. Sitwazzjoni bħal din tippermetti għall-vot deċiżiv ta’ Kamala Harris li qed tħejji biex tieħu postha bħala l-Viċi-President tal-Istati Uniti.
Żvilupp bħal dan hu wkoll kruċjali għal Joe Biden biex jgħaddi l-aġenda tiegħu, li fost oħrajn tibbaża fuq issues bħall-kura tas-saħħa u r-regoli ambjentali – u li qed iqanqlu oppożizzjoni qawwija min-naħa tar-Repubblikani.
Is-Senat Amerikan anki għandu l-poter biex japprova jew jiċħad il-persuni nnominati minn Joe Biden għall-karigi ġudizzjarji u fil-Kabinett.
F’każ li Warnock u Ossoff jirbħu t-tnejn f’Georgia, il-White House ta’ Washington, l-istess bħas-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti, għandhom jispiċċaw taħt il-kontroll tad-Demokratiċi għall-ewwel dartba mindu Barack Obama kien elett President tal-Istati Uniti, fl-2008.
//= $special ?>