Internazzjonali

Tanya Roberts…Ir-rapporti dwar mewtha ma kenux minnhom

L-attriċi Amerikana Tanya Roberts – magħrufa l-aktar għar-rwoli tagħha fis-sensiela televiżiva Charlie’s Angels u l-film ta’ James Bond bl-isem ‘A View to a Kill’ — għadha ħajja, kuntrarju għar-rapporti inizjali li hi kienet mietet f’Los Angeles, fl-età ta’ 65 sena.

Ir-rappreżentant tal-attriċi, Mike Pingel, qal li hu minnu li Tanya Roberts ħassa ħażin f’Lejliet il-Milied waqt li kienet miexja fit-triq u fejn hi, imbagħad, ittieħdet fis-Cedars-Sinai Medical Centre ta’ Los Angeles. Madankollu Pingel kompla li r-rapporti dwar ‘mewtha’ – iċċirkulati mill-media kollha tad-dinja – kienu żbaljati u li l-attriċi kienet għadha l-isptar ( f’Los Angeles) f’kundizzjoni serja.

Fl-aħħar sigħat, imbagħad, Mike Pingel informa lill-media li hu stess kien ‘ħabbar bi żball’ li Roberts ‘mietet’ wara li kien ingħata informazzjoni speċifika mingħand is-sieħeb tal-attriċi. Intant, ir-rappreżentanti tas-Sinai Medical Centre kienu ċemplu, wara l-aħbar ta’ mewtha, biex jikkonfermaw li Tanya Roberts, fil-fatt, kienet għadha ħajja.

Sakemm tħabbar l-iżvilupp ġdid, numru ta’ atturi kollegi u diversi fans tal-attriċi kienu qed iroddu ġieħ lill-memorja ta’ Tanya Roberts  li kienet ukoll l-attriċi protagonista fil-film ‘Sheena, Queen of the Jungle’ u tas-sensiela televiżiva popolari ‘That 70s Show’.