Għalkemm inbidel il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-attitudni tal-Gvern baqgħet ma nbidlitx. Dan hu tort tal-inkompetenza u l-arroganza ta’ Robert Abela.
Hekk kiteb fuq Facebook il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li laqgħa bejn l-MUT u l-Prim Ministru dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tal-edukazzjoni ma ħalliet l-ebda frott.
Għaldaqstant, Bernard Grech tenna s-solidarjetà tiegħu mal-għalliema, li kellhom jirrikorru għal strajk għax il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jinjora l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u jibqa’ għaddej bl-għajta ta’ “business as usual”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din l-attitudni qed tpoġġi f’riskju s-saħħa tal-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri u l-istaff tal-Iskejjel. Minflok, Abela għandu jħalli lill-awtoritajiet tas-saħħa jiddeċiedu f’mument daqstant delikat.
Sadanittant, aktar kmieni, Bernard Grech qal li hekk kif qed isegwi mill-qrib dawn l-aħħar żviluppi dwar il-ftuħ tal-Iskejjel għada, hu għamel kuntatt mal-MUT u mal-UPE, li huma ż-żewġ unions li jirrappreżentaw lill-edukaturi.
Tenna li hi ħasra li f’anqas minn 24 siegħa qabel il-ftuħ tal-Iskejjel, il-ġenituri kollha tħallew f’din l-inċertezza kbira. B’hekk, hu nsista li l-Prim Ministru għandu jieqaf immedjatament jilgħab bis-saħħa tat-tfal u tal-edukaturi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-inċertezza hi tort tal-inkompetenza, nuqqas ta’ ppjanar u insensittività ta’ Robert Abela. Għax anke fil-każ tal-pandemija, bħal meta qalilna li l-mewġ qiegħed fil-baħar, għalih xejn mhu xejn.
//= $special ?>