Lokali

AĠĠORNATA: Tliet persuni arrestati mill-Pulizija wara sparatura f’Bormla

Elevati senter, balal, skartoċċ u sustanza suspettata droga kannabis mis-sit tar-reat

Tliet persuni, raġel ta’ 55 sena u żewġt aħwa ta’ 20 u 24 sena, qed jinżammu taħt arrest fil-lock-up fid-Depot tal-Pulizija b’rabta ma’ sparatura li seħħet tard l-Erbgħa filgħaxija f’Bormla, li l-Pulizija kienet mgħarrfa biha fid-9 ta’ filgħaxija.

Il-Pulizija kkonfermat ma’ Net News ukoll li ħadd ma weġġa’ f’din l-isparatura wara argument bejn żewġ Maltin u żewġ barranin li jgħixu fl-istess triq fi Triq id-Dejqa.

Mill-ewwel stħarriġ kif wasslu fuq il-post il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit irriżulta li żewġt aħwa irġiel ta’ 24 sena u 20 sena, allegaw li raġel ta’ 55 sena spara tir fid-direzzjoni tagħhom, filwaqt li iben ir-raġel, ta’ 26 sena, kien involut fl-argument ukoll.

Ritratt: Pulizija – CMRU

Mir-residenza tar-raġel ta’ 55 sena, il-pulizija sabet l-arma tan-nar (senter) li x’aktarx intużat flisparatura, waqt li mit-triq ġew elevati xi balal, skartoċċ u li għalhekk jikkonferma li ġie sparat tir wieħed. Waqt tfittxija li saret fir-residenza fejn jgħixu l-aħwa, il-pulizija sabet sustanza suspettata droga kannabis.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija biex tkun stabbilità d-dinamika tal-argument għadhom għaddejjin filwaqt li nħatret inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia.

Ritratt: Pulizija – CMRU